Friday, December 27, 2024

Sentenza sospiża wara li ammettiet li serqiet minn tliet stabbilimenti

Aqra wkoll

Mara ta’ 37 sena residenti Santa Venera li għandha problema tad-droga ġiet kkundannata 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettiet li serqiet minn tliet stabbilimenti b’aktar minn elf ewro f’oġġetti.

Donna Andrews, wieġbet ħatja li bejn Jannar u Frar ta’ din is-sena kif ukoll Lulju li għadda ikkommettiet serq mill-istabbillimenti Atrium u Forestals u mis-Supermarket Smart.

Il-Qorti wissietha bl-ammissjoni tagħha, li tista’ tingħata piena effettiva ta’ ħabs, u għalhekk tagħta ċans terġa’ taħsibha. Il-prosekuzzjoni qalet lill-Maġistrat Leonard Caruana li l-akkużi huma dawk li huma u li jġorru piena ta’ bejn ħames xhur u tmien snin ħabs, anke fid-dawl li l-mara saret riċediva.

Ingħad ukoll li Andrews ikkoperat bis-sħiħ mal-Pulizija. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Wilfred Buttigieg li deher għal Andrews qal li s-sentenza għandha tkun fil-minimu anke fid-dawl tal-fatt li ammettiet fi stadju bikri tal-proċeduri.

Tenna wkoll li r-rieda tagħha hija waħda tajba biex timxi ‘l quddiem f’ħajjitha u li anke se trodd lura dak li serqet u li trid tpoġġi ħajjitha “on track” u fid-dawl ukoll ta’ problemi mediċi li għandha, fejn tixtieq ukoll li ssib impieg.

Il-Qorti poġġietha taħt ordni ta’ superviżjoni għal perjodu ta’ 18-il xahar u kienet ordnata biex tħallas lura s-somma misruqa li hija dik ta’ €307 mill-Forestals, €100.34ċ mis-Smart Supermarket, kif ukoll is-somma ta’ €731.90ċ mill-istabbiliment The Atrium.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Andrew Agius u Joseph Mallia. L-Avukat Wilfred Bugeja deher għall-mara.

Ekonomija

Sport