Sunday, May 19, 2024

STABBILTÀ U TKABBIR

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir qed jiġġeded, jekk dik hi l-kelma t-tajba għal x’qed jiġrilu. Fil-Patt, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ftiehmu biex fil-binja ta’ suq wieħed kontinentali bejniethom, kemm jista’ jkun iżommu t-tmexxija tal-ekonomija u tal-finanzi tagħhom fuq binarji simili. Tfassal lejn l-aħħar tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor.

Serva ta’ kmandament għall-pajjiżi membri taż-żona ewro. Inqalgħu elf diffikultà fit-tmexxija tiegħu, speċjalment fil-kriżi ekonomika tas-snin 2008 -2012/3. Diversi pajjiżi kellhom idaħħlu programmi qawwija ta’ awsterità biex iżommu fil-wiċċ.

Fiż-żmien tal-Covid, il-Patt ġie sospiż ħalli l-membri jilqgħu għall-imxija. Qabel jerġa’ jiddaħħal, il-membri tal-UE kellhom jaraw jistgħux “itejbuh”. Jekk ma jiftehmux dwar hekk, jerġa’ jitħaddem bħal qabel.

Il-ftehim fl-aħħar intlaħaq, bejn il-pajjiżi-membri u mal-Parlament. Min jgħidlek li ma tantx inbidel wiq, għandu raġun. Suppost kellhom jiddaħħlu miżuri ġodda biex jagħmluh aktar “soċjali” u biex jippermettu aktar “investimenti”. Trid iġġebbed sew l-imaġinazzjoni biex tasal taqbel li hekk sar.

INUGWALJANZI SOĊJALI

Bil-firxa sostanzjali ta’ benefiċċji u ta’ ħarsien soċjali f’pajjiżna, bir-rata tajba ta’ tkabbir ekonomiku lokalment, bid-dehra ċara ta’ flus fl-idejn li jiċċirkolaw ma’ kullimkien, wieħed bilfors isibha diffiċli jifhem kif jintqal sadattant li l-inugwaljanzi soċjali żdiedu.

Biss, l-evidenza hemm qiegħda. Qed titressaq minn entijiet kredibbli li mhumiex biss l-Oppożizzjoni. Id-dmir tal-istat — tal-gvern – hu ċar.

Il-vantaġġi u l-benefiċċji mhumiex jaslu għand kulħadd. Anzi uħud qed jaqgħu lura bit-tkabbir ekonomiku u soċjali li għaddej. Hu importanti għalhekk li fejn dan qed jiġri, nilqgħu għalih biex ma nħallu lil ħadd jintrema. Il-kelma “ħadd” f’das-sens trid tinkludi lill-ħaddiema barranin li jinsabu fostna u lill-familji tagħhom.

DEJJEM BI PROBLEMA!

Ma nafx nitbissimx jew nippretendi li ma smajtx meta ripetutament nisma’ min igerger li kull meta (jew kważi) jitressqu proposti ġodda għal xi liġi Ewropea, min-naħa tal-“Maltin” tqum l-għajta li din se toħloq wisq problemi għal gżira ċkejkna. Min-naħa Maltija, hemm għarfien li dil-ħaġa tiġri u li ddaħħal xetticiżmu mfantas dwar il-gżira.

Iż-żewġ naħat għandhom raġun. Ir-realtà Maltija hi dik li hi u regoli maħsuba fuq skala kontinentali bilfors se jolqtuha b’modi li min ħassel il-liġi ma jistax jifhem. Lanqas tistennih jibdel it-tir minħabba l-esiġenzi ta’ gżira żgħira. Din imbagħad ma tistax tonqos li tagħmel minn kollox biex tħares l-interessi tagħha.

L-argument li r-regoli ta’ suq kontinentali li qed jingħaqad ftit jistgħu jgħoddu għaċ-ċirkostanzi ta’ gżira periferika hu qadim. Kien twarrab meta l-poplu Malti ddeċieda li l-pajjiż jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Imma l-forza tiegħu hemm baqgħet.

Sport