Friday, December 13, 2024

Sentenza ta’ ħabs mibdula għal waħda sospiża fil-każ tal-ommijiet Torok

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja laqgħet l-appell taż-żewġ ommijiet Torok li l-ġimgħa l-oħra ġew ikkundannati sitt xhur ħabs wara li nstabu ħatja li daħlu f’Malta b’passaporti foloz. 

Fis-sentenza tiegħu, l-imħallef Aaron Bugeja qal li l-Qorti tal-Maġistrati kkundannat liż-żewġ nisa, Rabia Yavuz u Muzekka Deneri piena ta’ sitt xhur priġunerija li hija l-inqas li l-Qorti setgħet tagħti wara li wieġbu ħatja li użaw dokumenti foloz biex jivvjaġġaw bejn il-Greċja u l-Belġju.

L-Imħallef nnota l-fatt li l-prosekuzzjoni ressqet liż-żewġt ulied minorenni fil-Qorti u sostna li dawn ma kienx posthom hemm jekk mhux għall-bżonn. Barra minn hekk huwa sostna li dak li wettqu l-ġenituri jibqa’ jitqies bħala reat serju. Qal ukoll li dawn il-persuni nqabdu jikkommettu reat li żdied sostanzjalment fl-aħħar snin tant li fl-aħħar sentejn.

Innota li ż-żewġ ommijiet ammettew għar-reati kriminali li tagħhom instabu ħatja u ġew issentenzjati. Fi kliemu huwa kien iebes rigward il-fatt li l-ġenituri waqqgħu l-ġebla fuq saqajhom meta wettqu dan ir-reat u issa li ġew daharhom mal-ħajt qegħdin iżeffnu lit-tfal li se jbatu intortament minħabba l-aġir tagħhom.

Meta kkunsidra dan kollu, fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Bugeja qal li fiċ-ċirkostanzi għalkemm il-piena ta’ priġunerija għandha tibqa’, din is-sentenza ta’ priġunerija għandha tiġi mibdula f’waħda sospiża. Kien għalhekk li huwa kkundannahom sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

Ekonomija

Sport