Il-golfer żagħżugħa Maltija, Serena Falzon Sant Manduca, rebħet il-kampjonat Ewropew tal-Masters fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena li sar fil-korsa ta’ La Manga fi Spanja. Dan l-avveniment sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn il-plejer Maltija ħadet sehem fi tliet round konsekuttivi fejn il-kundizzjonijiet tat-temp xejn ma kienu favorevoli minħabba r-riħ li kien qed jaħkem f’din il-korsa li tinsab viċin il-belt ta’ Murcia.
Minkejja kollox, Falzon Sant Manduca kienet tajba biżżejjed biex tispiċċa b’punteġġ ta’ +3 sabiex fl-54 toqba rnexxielha ġġib punti biżżejjed sabiex tgħaddi lill-kompetituri tagħha.
Dan l-avveniment kien organizzat mill-WAGR (World Amateur Golf Ranking) u kien ospitat mill-golfer ta’ fama mondjali Robert Rock.