Tuesday, April 30, 2024

SERJETÀ FIL-ĦARSIEN TAS-SAĦĦA TAĊ-ĊITTADIN

Aqra wkoll

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta’ kull poplu fid-dinja kollha hija ċertament is-saħħa taċ-ċittadini. Sal-aktar żminijiet riċenti, f’pajjiżna spikkat l-għajta dwar il-bżonn li nħarsu l-ħajjiet ladarba bdew jiżdiedu l-każi tal-Covid-19 f’pajjiżna. Dan ma ngħiduhx aħna, iżda kkonfermatu l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li qieset lil pajjiżna bħala eżemplari fil-mod kif mexxiet matul perjodu li ra pajjiżi ferm ikbar minn tagħna jispiċċaw għarkupptejhom kemm fis-saħħa kif ukoll fl-ekonomija tagħhom. Ikollok min jibqa’ jgħid li l-vittmi tal-Covid-19 ma jistgħu qatt jitqiesu bħala suċċess fil-mod kif pajjiżna mexxa matul dan il-perjodu, għax fl-aħħar mill-aħħar, b’mod speċjali dawk l-aktar qrib tagħhom, se jqisu dak il-perjodu bħala sħaba sewda li mhi se tibnazza qatt għalihom.

Madanakollu, wara theddid għas-saħħa bħal dan, ma nistgħux nieqfu u ngħidu li aħna sodisfatti b’dak kollu li għamilna. Fejn tidħol is-saħħa tal-poplu m’għandux ikun hemm tbagħbis mal-ħajjiet tan-nies. U hekk għamel pajjiżna, ma bagħbasx mas-saħħa biex wasal biex itaffi l-konsegwenzi tal-pandemija tant li l-virus ġie kkontrollat ftit xhur wara li feġġew l-ewwel każi ta’ infezzjonijiet. Fi kliem id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, l-effetti tal-pandemija ma nħassux daqskemm inħassu f’pajjiżi oħra grazzi għall-maġġoranza tal-poplu Malti li fehem il-ħtieġa li josserva l-istruzzjonijiet mill-ogħla awtoritajiet. Dan ma jinkludix biss ir-restrizzjonijiet dwar id-distanza soċjali imma wkoll l-aċċettazzjoni tal-pubbliku għall-programm tat-tilqim. L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin, minkejja kritika li saritilhom, saħqu mill-bidu nett li l-vaċċin huwa l-iktar soluzzjoni effikaċi biex naqqset it-tixrid tal-imxija.

Iżda l-ħarsien tas-saħħa mhuwiex biss it-tilqim u miżuri oħra dwar il-Covid-19, imma wkoll il-provvista adekwata ta’ mediċini meħtieġa. Dan ngħiduh fl-isfond li dan l-aħħar kien hemm kritika qawwija minn uħud illi pajjiżna qed jaffaċċja skarzezza jew nuqqas ta’ mediċini. Il-fatti iżda juru li fejn jidħlu mediċini li jingħataw b’xejn mill-gvern, huma biss waħdiet li bħalissa mhumiex provduti. Il-problema ta’ skarzezza jidher li hija f’mediċini li huma impurtati mill-privat.

Minkejja dan, il-Ministru stess ikkonferma l-impenn tal-gvern li jgħin biex din il-problema tiġi mtaffija, jekk mhux solvuta kompletament, fl-iqsar żmien possibbli.
Nifhmu li anke meta tiġi solvuta l-problema tal-iskarsezza tal-mediċini, il-poplu għandu jifhem il-ħtieġa li jirrikorri wkoll għat-tilqim biex inaqqas kemm jista’ jkun it-tixrid ta’ mard li jittieħed fost iċ-ċittadini.

Sport