Thursday, April 18, 2024

Illum il-funeral “sempliċi” tal-Papa Emeritu Benedittu XVI

Talk.mt ikellem lill-uniku rappreżentant ta’ Malta, l-Ambaxxatur għall-Vatikan, Frank Zammit

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fid-9:30 a.m. ta’ dalgħodu fi Pjazza San Pietru, il-Knisja Kattolika se tagħti l-aħħar tislima lill-Papa Emeritu Benedittu XVI f’funeral ippresedut mill-Papa Franġisku u kkonċelebrat mid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Karfinali, il-Kardinal Giovanni Battista Re. Għal dan il-funeral, li Benedittu stess talab li jkun sempliċi kemm jista’ jkun, Frank Zammit, l-Ambaxxatur Malti għall-Vatikan, qalilna li Malta se tkun irrappreżentata minn ambaxxatur – minnu stess. Dan minħabba li qabel miet, il-Papa Benedittu wera x-xewqa li kemm jista’ jkun, jagħmlulu funeral “baxx u allura ma stiednux politiċi għajr il-Gvern Ġermaniż għax Ratzinger kien Ġermaniż u l-Gvern Taljan għax is-Santa Sede tmiss mal-Italja”.

Zammit li kien proprju għadu kemm niżel mill-ajruplan fi triqtu għall-funeral tal-Papa Benedittu, qalilna li ninsabu f’sitwazzjoni li qatt ma kellna bħalha qabel tant li l-funeral tal-lum ta’ Papa Emeritu huwa uniku.

Zammit preżenti fil-Vatikan

Quddiesa tal-funeral ta’ dak li kien Papa minn Papa…

Dan l-ambaxxatur Malti għall-Vatikan fakkar kif normalment, meta jmut Papa jsir konklavi imma din id-darba mhux se jsir wieħed għax Benedittu kien Papa Emeritu. “Meta jmut Papa jqaddislu d-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali imma lil Papa Emeritu Benedittu XVI se jippresjedi wkoll il-Papa Franġisku. Dan għax il-Papa għadu ħaj,” spjega Zammit.

Huwa qal f’dan il-funeral, hemm differenza oħra – li hija fl-ilbies. “Il-paramenti tal-Papa Emeritus huma neqsin minn ċerti elementi fosthom il-palju mdawwar m’għonqu bis-slaleb. Dan għax il-Papa huwa Papa rtirat u l-palju jissimbolizza l-awtorità u l-ġurisdizzjoni tal-Arċisqof fid-djoċesi tiegħu. Jekk il-Papa Benedittu XVI huwa l-Isqof ta’ Ruma rtirat, allura m’għandux ġurisdizzjoni u awtorità,” kompla dan l-Ambaxxatur.

Fid-dettalji interessanti li ta, Zammit ta’ eżempju bil-fatt li l-Papa huwa isqof u isqof huwa ragħaj spiritwali li jkollu l-baklu – dak l-għafluġ li jimxi biha r-ragħaj biex ifittex in-nagħġa l-mitlufa. Żied jgħid li, “minħabba li l-Papa Benedittu rtira, allura kien ragħaj irtirat u fit-tebut m’għamlulux dan il-baklu ma jdejh. Barra minnhekk, it-tebut tal-Papa se jkun fih tliet saffi b’ta’ ġewwa se jkun taċ-ċipress mgħotti b’damask; fin-nofs tat-tebut hemm saff taż-żingu; mentri t-tebut ta’ barra se jkun magħmul mill-injam tal-ballut”.

Spjega li minflok il-palju li ma libsulux fit-tebut, il-Papa Emeritu għandu żewġ palji li normalment jintlibsu biss fil-ġurisdizzjoni – dak ta’ meta kien Isqof ta’ Munich u Fieising u l-ieħor ta’ meta kien sar Isqof ta’ Ruma. L-Ambaxxatur Malti qal li fl-istess tebut se jkun hemm anke l-muniti li saru tul il-pontifikat tiegħu flimkien ma’ sommarju ta’ kif kien il-pontifikat tiegħu.

Zammit ma’ Giovanni Battista Re li se jikkonċelbra l-quddiesa tal-funeral

“Peress li s-sommarju jkunu tal-karti, bil-għan li ma jitħassar qatt, jitpoġġa f’ċilindru tal-metall u jkun ħdejn il-Papa fit-tebut magħluq. Il-Papa wkoll kien wera x-xewqa, li ntlaqgħet, li jindifen fil-qabar ta’ Ġwanni Pawlu II li ilu ma jintuża għal dawn l-aħħar 12-il sena. Dan għax meta Papa jiġi dikjarat beatu, jittella’ mill-kripta u jitla’ fil-Bażilika taħt artall ta’ waħda mill-kappelli. Din turi l-ħbiberija kbira li kellu Ratizinger ma’ Ġwanni Pawlu II,” spjega l-Ambaxxatur Malti.

Ħabib intelletwali tal-beatu Papa Ġwanni Pawlu II

Rigward l-istorja tal-Papa Emeritu Benedittu XVI, Frank Zammit irrakkonta kif Ratzinger qatt ma kellu x-xewqa li jsir Arċisqof ta’ Munich imma aċċetta r-rwol għax kien għażlu l-Papa San Pawlu VI. Ħames ġimgħat wara għamlu kardinal, fl-iżgħar konċissjorju li qatt kellu Pawlu VI. Imbagħad, “għax kien verament raġel intelletwali,” Wojtyla xtaqu mill-ewwel fil-Kurja tiegħu imma Ratzinger kien mar fl-1981 biex ma jitlaqx mill-ewwel lill-poplu ta’ Munich.

Ratzinger, li kien jikteb kotba fuq it-Teoloġija u fil-konklavi kien ivvota li Wojtyla, kien għamel 24 sena mal-Papa Ġwanni Pawlu II. Zammit spjega kif aktar ma kompla jgħaddi ż-żmien, il-Papa Ġwanni Pawlu II inħakem bil-Parkinsons u hawnhekk Ratzinger kien il-kollaboratur ewlieni tiegħu. Qalilna kif 12-il siegħa qabel miet Ġwanni Pawlu II talab li jkellem lill-Kardinal Ratzinger fejn fit-2 ta’ April, 2005 fid-9.00 ta’ filgħodu, dan mar ħdejh.

“Meta daħal il-Papa ħares lejh u xtaq ikellmu iżda minħabba li kien tilef il-vuċi ġimgħat qabel f’operazzjoni, Ġwanni Pawlu kien kitblu l-kliem bil-Ġermaniż “danke” li jfisser “grazzi”. Hawnhekk Ratzinger niżel għar kopptejh ħdejh u rringrazzjah għal kemm kien ta’ dawl fuq il-Knisja u fuq id-dinja,” kompla Zammit.
Qal kif imbagħad Ratzinger minħabba li kien id-dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, kien huwa li għamel il-quddiesa tal-funeral ta’ Ġwanni Pawlu II kien huwa li għamel l-aħħar quddiesa tal-Ispirtu s-Santu għall-kardinali qabel daħlu għall-konklavi.

Zammit qal li minħabba li l-kardinali kienu raw kemm kienu ħbieb Ġwanni Pawlu II u Ratzinger, ħassewha awtomatika li jivvotaw lilu biex isir Papa u “fil-fatt Ratzinger tela’ f’ġurnata u nofs biss ta’ konklavi”. F’dik il-votazzjoni l-Papa preżenti Franġisku kien ġie t-tieni wieħed.

“Mhux x’kien jaqbel lilu, imma x’kien jaqbel għall-ġid tal-Knisja”

L-Ambaxxatur Malti għall-Vatikan Frank Zammit ried jispeċifika li meta Ratzinger irreżenja minn Papa, dan wera kemm kien bniedem umli u kemm qagħad fit-tieni post wara l-Knisja. Sostna li, “mhux x’kien jaqbel lilu imma x’kien jaqbel għall-ġid tal-Knisja”.

Filwaqt li spjega li l-Papiet jabdikaw u mhux jirreżenjaw għax l-istatus tagħhom huwa ta’ re, Zammit qal ukoll li Benedittu kien dam madwar sena u nofs tal-Pontifikat jaħsibha biex jitlaq u li kien telaq minħabba li kien xjaħ u ma setgħax ikompli jmexxi.

Dwar dan il-Papa Emeritu li għadu kemm ħalliena Zammit ried jagħmel punt importanti ħafna dwaru. “Il-Papa Benedittu ġie akkużat li m’għamilx biżżejjed biex jiġġieled il-pedofelija. Din hija kalunja prinċipali fuqu mill-ħażen tad-dinja,” sostna Zammit. Huwa żied jgħid li ma kienx hawn Papa bħalu li ħadem daqshekk b’saħħtu kontra l-pedofelija sa minn mindu kien għadu Kardinal meta fl-2001 kien għen lil Ġwanni Pawlu II jilleġisla l-“Motu Proprio Sacramentorum Sanctitatis Tutela”.

“Ratzinger,” kompla Zammit, “ħadem mhux biss kontra attakki fuq minorenni minn membri tal-Kleru imma anke għamel liġijiet b’saħħithom kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali tant li l-Papa Benedittu XVI għamel l-istat tal-Vatikan konformi ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali”.

Frank Zammit temm jgħidilna li sakemm ma jkunx hemm sorpriża fl-aħħar ħin u jmorru ħafna aktar nies, fil-funeral ta’ dalgħodu m’għandux ikun hemm aktar minn 65,000 ruħ. Tajjeb li ngħidu li bil-għan li n-numru ta’ nies preżenti jinżamm baxx kemm jista’ jkun, is-Santa Sede ma ħarġitx biljetti għad-dħul tal-funeral storiku u uniku tal-Papa Emeritu Benedittu XVI.

Ekonomija

Sport