Il-problema tad-droga ġġib magħha bosta sfidi u tmiss il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja kollha. Għalhekk, huwa xieraq li nagħmlu ftit riflessjonijiet dwar id-dimensjoni tal-abbuż mid-droga, hekk kif il-ġimgħa li għaddiet ġie ċċelebrat il-Jum Dinji Kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar ta’ Sustanzi lleċti
Bla dubju li għandhom ikomplu jsiru aktar sforzi biex kemm jista’ jkun in-nies, speċjalment iż-żgħażagħ, ma jersqux lejn il-vizzju u l-abbuż tad-drogi. Irridu nirrikonoxxu l-fatt li l-Gvern dejjem ħa passi ‘il quddiem f’dan ir-rigward, saħansitra anke leġiżlattivi bil-għan li kemm jista’ ikun ibegħdu lin-nies, speċjalment lil dawk li għadhom żgħar fl-età mill-vizzju ikraħ u qerriedi tad-droga.
Insemmu kif fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-Pulizija Maltija qabdu 166 kilogramma kokaina, 2,088 pillola tal-ecstasy (XTC), ammont li diġà qabeż it-total kollu maqbud matul l-2025, filwaqt li nqabdu wkoll 19-il kilogramma khat, li huwa daqs l-ammont kollu maqbud matul is-sena li għaddiet. Dawn iċ-ċifri qalhom il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield waqt li indirizza workshop organizzat mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC).
Naqblu ma’ dak li qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield li dawn ir-riżultati huma prova ċara tal-ħidma proattiva tal-Pulizija u tad-determinazzjoni tagħna li niġġieldu l-kriminalità organizzata u nipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tal-komunitajiet tagħna. Minbarra ħidmet il-Gvern f’dan ir-rigward, ma nistgħux ma’ nsemmux il-ħidma bla limitu li twettaq il-Caritas Malta, fosthjom is-sehem kruċjali fir-riabilitazzjoni ta’ dawk li nrikbu mill-vizzju.
Għalhekk il-Caritas jixirqilha kull tifħir u apprezzament għall-isforzi tagħha u s-servizzi li toffri lill-vittmi tad-droga, inkluż terapija bla ħlas minn professjonisti li qegħdin għas-servizz ta’ kull minn għandu bżonn l-għajnuna. Il-Caritas narawha ta’ spiss preżenti u attiva favur kull persuna li tħoss li qatgħet qalbha milli toħroġ mill-vizzju tad-droga.
Jidher ukoll li l-miżuri li qed jittieħdu, qed iħallu l-frott mixtieq tant li qed jiżdiedu dawk li qed jidħlu għal programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u jlestuh b’suċċess u jagħtihom iċ-ċans jerġgħu jintegraw fil-komunità li jagħmlu parti minnha.
Dmirna hu li nibqgħu nħeġġu sabiex inizjattivi bħal dawn ikomplu għaddejjin, anke fid-dawl tal-fatt li l-ammont ta’ nies li qegħdin jersqu ’l quddiem qed ikun wieħed sostanzjali.
Huwa fatt ukoll li l-parti l-kbira tad-droga kkunsmata f’pajjiżna hija impurtata u għalhekk huwa imperattiv li l-awtoritajiet jibqgħu viġilanti u jissoktaw fil-ħidma tagħhom, diffiċli kemm hi diffiċli, biex jipprevenu kemm jistgħu milli d-droga, f’kull xorta tagħha, tidħol Malta.

