Sunday, May 5, 2024

Sħana tremenda twassal għall-għeluq tal-iskejjel fil-Bangladesh

Aqra wkoll

Sħana qawwija fil-Bangladesh ġiegħlet li miljuni ta’ tfal ma jmorrux l-iskola, hekk kif f’diversi nħawi tal-pajjiż it-temperatura qabżet it-42°C.

Ġie rrappurtat kif l-iskejjel u l-kulleġġ se jibqgħu magħluqa minn tal-inqas sas-27 t’April. Din kienet it-tieni sena konsekuttiva fejn l-awtoritajiet tal-Bangladesh kellhom jieħdu dawn il-miżuri minħabba temp estrem.

Dan qed iseħħ ukoll wara l-għeluq tal-iskejjel fil-Filippini u l-Indja hekk kif mewġa ta’ sħana persistenti kompliet għaddejja minn fuq l-Ażja.

Shumon Sengupta, id-Direttur ta’ Save the Children’s Bangladesh, sostna li t-tfal fil-Bangladesh huma fost l-ifqar fid-dinja u l-għeluq tal-iskejjel għandu joħloq “allarm għalina lkoll.”

Il-Bangladesh huwa wieħed mill-pajjiżi meqjus bħala “l-aktar vulnerabbli” għall-impatti tal-kriżi fil-klima. Skont il-Panel InterGovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima, żieda ta’ bejn 30 u 45 ċentimetru fil-livell tal-baħar tista’ twassal biex ikunu spostati aktar minn 35 miljun ruħ mid-distretti kostali, li jfisser madwar kwart tal-popolazzjoni totali tal-pajjiż.

Matul il-jum tal-Erbgħa, eluf ta’ Musulmani fil-pajjiż inġabru fil-moskej u għelieqi rurali biex jitlobu għax-xita. Madankollu, huwa mistenni li s-sħana tremenda tkompli tippersisti għal minn tal-inqas ġimgħa oħra.

L-isptarijiet u l-kliniċi ntalbu jippreparaw għal numru akbar ta’ pazjenti minħabba mard relatat mas-sħana bħad-deni u l-uġigħ ta’ ras. “Pazjenti li jbatu minn heatstroke se jiddaħħlu fi swali bl-arja kondizzjonata,” qalet il-Ministru tas-Saħħa Samanta Lal Sen aktar kmieni din il-ġimgħa.

“Il-mexxejja jeħtieġ li jaġixxu fl-immedjat biex inaqqsu b’mod urġenti dawn it-temperaturi għolja, kif ukoll jinkludu lit-tfal – partikolarment dawk affettwati mill-faqar, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni – fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-finanzjament tal-klima,” qal is-Sur Sengupta.

L-Unicef wissiet ukoll dwar ir-“riskji gravi” li temperaturi għoljin bħal dawn joħolqu għal tfal żgħar, partikolarment trabi tat-twelid u tfal żgħar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport