Tuesday, May 14, 2024

SĦUBIJA MANDATORJA FI TRADE UNION

Kun il-vuċi tal-bidla …

Aqra wkoll

It-trade unions spiss jitqiesu bħala organizzazzjonijiet li jaqilgħu l-inkwiet fuq il-post tax-xogħol. Iżda mhux biss … trade unions għandha ħafna rilevanza fil-forza tax-xogħol. F’kull soċjetà pluralistika hemm il-ħtieġa ta’ aktar minn vuċi waħda. Huwa ferm diffiċli li ħaddiem waħdu bħala individwu jibbilanċja l-poter tal-kapitalista. Iżda numru ta’ ħaddiema flimkien kapaċi joħolqu dak il-bilanċ biex ikunu jistgħu jressqu l-interessi tagħhom ’il quddiem.

Meta ngħidu trade union, x’inhi?

Trade unions hija organizzazzjoni li tirrappreżenta gruppi ta’ impjegati biex itejbu d-drittijiet u kundizzjonijiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol. It-trade unions jistgħu jappoġġjaw lill-impjegati individwalment, pereżempju, f’seduta dixxiplinarja, kif ukoll jinnegozjaw kollettivament f’isem l-impjegati kollha biex jinnegozjaw paga, kundizzjonijiet u benefiċċji aħjar.

Benefiċċji meta tissieħeb fi trade union

It-trade unions huma forza multidimensjonali għall-ġid tal-impjegati. L-offerta ta’ protezzjoni f’każ ta’ azzjoni industrijali hija biss waħda mill-ħafna benefiċċji offruti lill-impjegati. Dawn il-vantaġġi kollha jammontaw biex joffru lill-impjegati saħħa u benefiċċji akbar meta jkunu fuq ix-xogħol. 

Min-naħa l-oħra min iħaddem ma jridx li l-ħaddiema tiegħu jkunu msieħba fi trade union avolja dan ma għandu l-ebda dritt jitkellem f’isem l-impjegat. Imma tgħid għaliex?

Dawn jitkellmu fuq id-dritt ħieles tal-individwu li jagħżel jekk jisseħibx jew le iżda ma jlissnu qatt kelma fuq dawk l-eluf ta’ ħaddiema li jiġu mċaħħda minn dan id-dritt minn min iħaddem.

Kulħadd sema’ b’każi ta’ ħaddiema li sfaw abbużati, jew li ma ngħatawx dak mistħoqq jew spiċċaw taħt bankina.

L-impjegat bi dritt għandu jkun infurmat mill-imgħallem tiegħu mhux biss bl-obbligi tiegħu imma anke bid-drittijiet tiegħu. Għandu jkun infurmat kontinwament dwar il-futur tal-post tax-xogħol tiegħu u jkollu wkoll aċċess għat-taħriġ biex ikompli jiżviluppa l-ħiliet u l-kompetenzi tiegħu biex ikompli jimxi ‘l quddiem fil-karriera tiegħu.

Sigurtà tax-xogħol

It-trade unions jikkumbattu jekk l-organizzazzjonijiet ikunu qed jippjanaw xi sensji. Filwaqt li tkun parti minn trade unions mhix garanzija tas-sigurtà tax-xogħol, is-setgħa ta’ negozjar kollettiv tal-unions tfisser li dawn se jimbuttaw lil min iħaddem biex isib alternattivi għas-sensji jew biex isib triq tan-nofs li tista’ tnaqqas in-numru ta’ nies li jitilfu l-impjieg tagħhom.

Kun parti minn bidla pożittiva

Li tkun parti minn trade union ifisser li inti membru ta’ organizzazzjoni li tiġġieled għad-drittijiet tal-ħaddiema. L-unions javvanzaw ħafna kawżi fuq il-post tax-xogħol tiegħek, u sempliċiment li tkun parti minn dan jista’ jkun sentiment li jagħtik ħafna setgħa. Int tkun tista’ wkoll ikollok leħen fuq dak li l-union qed tiffoka fuqu.

Kun parti mill-vuċi fuq il-post tax-xogħol tiegħek. Kun parti mill-bidla.

Sport