Sid ta’ daycare jinsab mixli bil-qtil ta’ tifel ta’ sena wara li allegatament it-tifel miet kawża tad-droga sintetika fentanyl li ġiet amministrata lilu waqt li kien id-daycare.
Grei Mendez, is-sid ta’ ‘Divino Niño Daycare Center’ fi Bronx, l-Istati Uniti, ġie arrestat u qed jaffaċċja akkużi ta’ qtil involontarju. Huwa qed ikun mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu, u aġixxa b’mod negliġenti meta naqas milli jipprovdi ambjent sigur għat-tfal. Carlos Acevedo Brito, ta’ 41 sena li kien jgħix ma’ Mendez, qed jaffaċċja l-istess akkużi. Dan wara li s-Sibt li għadda tlett itfal ittieħdu l-Isptar mid-daycare u tilef minnhom tilef ħajtu traġikament.
Kien is-Sibt li għadda, għall-ħabta tat-2:40 p.m. (ħin lokal), meta tim mediku rċieva talba mid-daycare għall-għajnuna. Fuq il-post marru wkoll il-Pulizija fejn sabu tlett itfal mitlufin minn sensihom — tifel ta’ sentejn, ieħor ta’ sena, u tifla ta’ tmien xhur. L-Assistent Kumissarju tal-NYPD (New York Police Department), Joseph Kenny, qal li t-tlieta li huma wrew sintomi li kellhom kuntatt ma’ droga sintetika.
Il-paramediċi taw il-kura meħtieġa lit-tfal u ħaduhom l-Isptar. Sfortunatament, it-tifel ta’ sena, Nicholas Feliz-Dominici, kien dikjarat mejjet mal-wasla tiegħu fl-isptar. Dan filwaqt li t-tifel l-ieħor għadu f’qagħda kritika. Fortunatament, it-tifla, it-Tnejn li għadda qalbet għall-aħjar u tinsab f’qagħda stabbli.
Minn investigazzjonijiet li saru mill-pulizija, irriżulta li kien hemm tifel ieħor ta’ sentejn li esperjenza l-istess sintomi fl-imsemmi ġurnata. Ommu kienet ġabritu mid-daycare fil-12:15 p.m. (ħin lokal) u f’ħin minnhom waqt li kienu d-dar innutat li t-tifel kien mitluf minn sensih. Huwa ttieħed l-isptar u b’xorti tajba rnexxielu jsalva.
Minn tfittxija li saret fid-daycare, il-pulizija rnexxielhom isibu pakkett b’kilogramma sustanza sintetika kif ukoll eluf ta’ dollari fi flus kontanti. Sabulu wkoll makkinarju (kilo press) li skont l-Assistent Kumissarju normalment jintuża mit-traffikanti tad-droga biex jippakkjaw kwantità kbira ta’ sustanzi.
Id-daycare beda jopera f’Jannar li għadda. Ftit jiem qabel ma seħħ il-każ, lura fid-9 ta’ Settembru, saret spezzjoni f’dan id-daycare u ma rriżulta li kien ebda ksur ta’ liġi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.