Friday, May 3, 2024

“Skopert każ ta’ kaċċa u nsib illegali fil-limiti ta’ Marsaskala”

- Birdlife Malta

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd filgħodu, uffiċjali tal-Environmental Protection Unit (EPU) tal-pulizija ġew imsejħa biex jinvestigaw inċident li fih kaċċatur kien osservat minn wieħed mit-timijiet tal-kamp Spring Watch ta’ BirdLife Malta jispara fuq, u jiġbor Gamiema tal-Kullar protetta fil-limiti ta’ Marsaskala. Il-kaċċatur inqabad fil-fatt u għandu jitressaq il-Qorti, li jfisser ukoll li l-liċenzja tal-kaċċa ta’ dan il-kaċċatur tiġi revokata għall-kumplament tal-istaġun.

Dan intqal fi stqarrija li ħarġet BirdLife Malta fejn qalet ukoll li waqt li l-pulizija kienu qed ifittxu fl-inħawi għal aktar “vittmi tal-kaċċa, instabu wkoll numru ta’ Diżżijiet maqtula.”

L-istqarrija tgħid li “ftit wara, l-uffiċjali skoprew ukoll gaġġa li maqbudin fiha kien hemm total ta’ 21 Gamiema u Gamiema tal-Kullar. Dawn l-għasafar ġew konfiskati u mgħoddija lil BirdLife Malta għar-riabilitazzjoni.”

BirdLife Malta tgħid li dawn l-għasafar probabbli kienu destinati biex jintużaw bħala għasafar tat-taħrik biex jattiraw oħrajn bħalhom, jew inkella għat-trobbija fil-magħluq. Issa, wara li jingħataw l-kura meħtieġa, l-għasafar li jkunu b’saħħithom biżżejjed jistgħu jerġgħu jinħelsu fin-natura. Dan mistenni jsir wara li jkun għalaq l-istaġun tal-kaċċa għal din l-ispeċi Vulnerabbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport