Friday, November 15, 2024

Sliema Wanderers għenuni nikber u nimmatura bħala plejer – Jean Borg

Aqra wkoll

Jean Borg twieled fit-8 ta’ Jannar 1998 u llum il-ġurnata għandu 26 sena. Hu jilgħab bħala difensur fuq in-naħa xellugija tal-grawnd għalkemm mhux l-ewwel darba li ġie utilizzat fil-qalba tad-difiża. Lagħab ma’ Valletta bejn l-2014 u l-2023 fejn skorja ħames gowls f’142 partita. Hu kellu wkoll esperjenza barra minn xtutna meta ngħaqad mat-tim mis-serie C Taljana, Fidelis Andria fl-2023 fejn lagħab 14-il logħba iżda ma skorja l-ebda gowl. Fil-bidu tal-istaġun li għadda ngħaqad ma’ Sliema Wanderers proprju fiż-żmien meta huma kienu qed jirritorna fl-ogħla kampjonat Malti wara staġun fil-BOV Challenge League.

Jean Borg hu wkoll membru importanti mat-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Michele Marcolini fejn deher 21 darba.

Ma’ Sliema hu għex staġun mill-aqwa meta għenhom jaslu sat-tielet post tal-kampjonat BOV Premier filwaqt li kien surmast fid-difiża anke waqt il-logħbiet tal-Izibet FA Trophy fejn spiċċa għolla din it-tazza.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Jean Borg li tana l-kummenti tiegħu wara dan l-istaġun brillanti li kellu.

Kellimni dwar dan is-suċċess li ksibt ma’ Sliema Wanderers.

Dan ma kienx l-ewwel unur li rbaħt b’mod personali. Kelli wkoll xi trofej li rbaħt ma’ Valletta. Ma dan it-tim kont verament għal qalbi u issa ninsab ma’ Sliema, tim partikolari li ħadem ħafna sabiex jitjieb. Il-Wanderers għenu lili wkoll nikber u nimmatura bħala plejer u issa ninsab verament kuntent li lħaqt l-objettivi tiegħi. 

Kemm hu differenti dan is-suċċess minn dak li kellek ma’ Valletta?

Ma’ Valletta rbaħt l-unuri bla dubju iżda ma’ Sliema kif għedt aktar qabel kienet xi ħaġa differenti. Kien staġun twil u iebes fejn ħafna ma kinux iqisu li konna se naslu daqshekk ‘il bogħod kemm fil-klassifika kif ukoll fit-trophy. Konna dejjem umli f’dak li konna qed nagħmlu u pass pass, logħba logħba rnexxielna naslu għal dak li xtaqna iġifieri ġibna unur lejn ix-xatt.

X’sehem kellhom il-president Keith Perry u l-kowċ Paul Zammit f’dan is-suċċess?

Paul Zammit bħala kowċ kienet waħda mir-raġunijiet għala ġejt ma’ Sliema. Hu mal-ewwel wera fiduċja fija u jien dejjem ridt inpattilu din il-fiduċja billi nilgħab tajjeb. Hu kowċ motivatur li jgħinek ħafna fl-iżvilupp tiegħek bħala plejer u għalhekk inqisu bħala wieħed ideali. Rigward il-president Keith Perry, ftit għandi xi ngħid fuqu minħabba li l-azzjonijiet tiegħu jitkellmu waħedhom. Hu l-president ta’ kulħadd, bniedem umli u serju li għandu kumitat ħabrieki li bih wasal dan is-suċċess.

Kellimni dwar l-esperjenza mat-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Michele Marcolini.

Dan il-kowċ tani l-fiduċja u anke hawn qed nipprova nagħti l-mija fil-mija tiegħi sabiex dejjem intejjeb il-wirjiet tiegħi. Ili fiċ-ċrieki tat-tim nazzjonali għal dawn l-aħħar sitt snin u issa nħossni fil-milja tal-karriera tiegħi. B’xorti tajba qed inżid il-kunfidenza mat-tim nazzjonali Malti u dan qed jgħini wkoll għall-motivazzjoni personali tiegħi. Issa se nkunu qed nilagħbu logħbiet ta’ ħbiberija f’Ġunju kontra r-Repubblika Ċeka u l-Greċja li se nużawhom bħala parti mill-preparazzjoni għall-UEFA Nations League li se jsir bejn Settembru u Novembru. It-tir tagħna hu dak li nirbħu dan il-grupp u se nagħmlu minn kollox biex naslu għal dan it-tragward.

Issa li ġejtu t-tielet fil-kampjonat, se tkunu qed tilagħbu fil-UEFA Europa Conference League. Kif qed tippreparaw għal dawn il-logħbiet?

Minn din il-ġimgħa bdejna s-sessjonijiet ta’ taħriġ mat-tim nazzjonali Malti. Wara li nlestu minn mat-tim nazzjonali, se mmorru dritt mal-klabbs fejn huma se jibdew fil-bidu ta’ Ġunju, imbagħad aħna ningħaqdu magħhom għall-kumplament ta’ preparazzjoni. Għall-klabb bħal Sliema Wanderers, il-parteċipazzjoni fl-Ewropa hi ferm importanti minħabba li jirċievi somma tajba finanzjarjament apparti li hemm ukoll il-prestiġġju li qed tipparteċipa f’kompetizzjoni internazzjonali. Għamilna bravura kbira u rridu mmorru tajjeb sabiex anke nippruvaw navvanzaw f’aktar rounds f’din il-kompetizzjoni affaxxinanti iżda xejn faċli.

X’se jkun il-futur ta’ Jean Borg?

Jien wasalt hawnhekk b’kuntratt ta’ tliet snin u għalhekk fadalli sentejn oħra fil-ftehim li għandi ma’ Sliema Wanderers FC. Ninsab kuntent nilgħab mal-Blues u ħerqan biex nerġa’ nibda u jkollna aktar logħbiet pożittivi.

Nixtieqek twassal messaġġ ta’ ringrazzjament lil dawk kollha li taw il-kontribut sabiex Sliema Wanderers imorru daqshekk tajjeb fl-istaġun li għadu kemm għadda.

L-ewwel u qabel kollox b’mod personali nixtieq nirringrazzja lit-tfajla tiegħi li tiġi tarani kull logħba li nilgħab apparti wkoll lit-tifla tiegħi li għalkemm ma tantx jinteressaha l-futbol dejjem tagħtini s-sapport. Fl-aħħar logħba hi ħarġet miegħi fil-grawnd u kien mument sabiħ. Grazzi wkoll lill-familja tiegħi li dejjem tawni kuraġġ filwaqt li dejjem kienu miegħi.

Grazzi tmur ukoll għall-plejers sħabi, kowċis, membri tal-kumitat u partitarji ta’ Sliema Wanderers li kienu xprun sabiex jien personali jkolli staġun mill-aqwa!

Ekonomija

Sport