“Smajna ‘Ajjut, Ajjut’ u bdew idoqqu ħafna l-ħorn tad-dgħajsa”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien dlam ċappa. Mit-tieqa tal-karavan semgħu ħoss u raw xi ħaġa tiela’ bħal murtal li xegħlet is-sema b’dawl aħmar. Dlonk, il-mara ħarġet mill-karavan biex tara x’kien ġara. Ir-raġel tagħha ħareġ warajha. Il-mara ntebħet li dak kien sinjal ta’ emerġenza fuq il-baħar. Ftit tal-ħin wara, raw tiela’ flare ieħor u semgħu għajjat ta’ “Ajjut, Ajjut” ġej mill-bogħod, kif ukoll id-daqq ta’ ħorn minn fuq id-dgħajsa.

Hekk bdiet tirrakkontalna Charlotte Anne Zammit b’rabta mat-traġedja li seħħet tard il-Ħadd filgħaxija meta dgħajsa nkaljat fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq u li fuqha kien hemm tliet persuni. Wieħed minn dawn il-persuni, raġel ta’ 48 sena residenti l-Mellieħa, tilef ħajtu filwaqt li raġel ieħor ta’ 44 sena residenti Bormla jinsab f’qagħda kritika u tifel ta’ 14-il sena ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi. 

Ma’ L-Orizzont, Zammit tispjega kif hija mill-ewwel intebħet li dan kien każ ta’ “emerġenza kbira” u minnufih ċemplet għall-għajnuna. Hija u żewġha kienu xegħlu d-dawl tal-karavan fid-direzzjoni tad-dgħajsa, filwaqt li dawk abbord id-dgħajsa xegħlu d-dawl lura lejhom. Tgħid li f’ħin minnhom deher bħal nar ħiereġ minn fuq id-dgħajsa u f’dak il-mument “inqata’ kull kuntatt”. 

Il-mara qalet li żewġha baqa’ jgħajtilhom bit-tama li xi ħadd minnhom iwieġeb lura. “Ir-raġel ried anke jaqbeż il-baħar. Iżda ma ħallejtux.” Sadanittant, hija kienet f’kuntatt mal-112 li għaddewha mal-Forzi Armati ta’ Malta waqt li kienet ukoll f’kuntatt kontinwu mal-kaptan tal-lanċa. 

“Malli dawn waslu fuq il-post ħadna l-aħbar li kien hemm tliet persuni mitlufin minn sensihom. Imbagħad ħallejna f’idejn l-awtoritajiet. Konna l-ħin kollu moħħna fihom. Ma rqadniex lejl sħiħ. Xena bħal dik quddiem għajnejna,” hija kompliet tgħid. “Il-mod kif kienet il-karba għall-ajjut u l-ħsejjes tal-ħorn, kien juri kemm kellhom bżonn l-għajnuna. Qatt ma tista’ timmaġina traġedja bħal din.” 

Zammit tenniet li apprezzat ħafna l-għajnuna li rċevew wara dan l-episodju kif ukoll il-kummenti t’appoġġ. Qalet ukoll li tinsab f’kuntatt mal-familjari tal-vittmi li saħansitra tawhom dettalji dwar il-kundizzjoni tat-tifel.

“It-tifel jinsab stabbli fl-ITU”

Fuq il-mezzi soċjali, omm it-tifel ta’ 14-il sena appellat lill-pubbliku biex jitolbu għalih. “Ben, ibqa’ ġġieled. Ma nistax ngħix mingħajrek,” kitbet l-omm.  

F’kitba oħra aktar tard, hija rringrazzjat lil kulħadd tal-messaġġi, il-ħsibijiet tagħhom u ta’ kull telefonata f’dan il-mument. Qalet ukoll li tinsab grata b’mod partikolari għal dik it-telefonata f’waqtha li salvat ħajjet it-tifel. Hija żiedet li t-tifel jinsab stabbli fl-ITU.

Operazzjoni delikata u maġġuri fuq il-post

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li kien il-Ħadd, għall-ħabta tas-7.15 p.m., meta kienu infurmati li dgħajsa nkaljat fuq is-Sikka s-Safra. Mal-ewwel skattat operazzjoni delikata u maġġuri b’kordinazzjoni bejn il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati u l-Awtoritajiet tas-Saħħa tal-Isptar Mater Dei.

Hekk kif waslu fuq il-post, tliet persuni nstabu f’kundizzjoni serja b’diversi ġrieħi. Immedjatament huma ngħataw l-ewwel assistenza medika fuq il-baħar, u wara, permezz ta’ dinghy tal-Protezzjoni Ċivili ttellgħu fuq il-moll f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Wara li t-timijiet mediċi komplew jassistu fuq l-art, it-tliet persuni ttieħdu lejn l-Isptar Mater Dei. Sfortunatament, ir-raġel ta’ 48 sena, li aktar tard ġie identifikat bħala Keith Caruana, tilef ħajtu kawża ta’ diversi ġrieħi li ġarrab, waqt li t-tifel ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi, u r-raġel l-ieħor ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.

Bl-inċident ġie infurmat il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia li fetaħ inkjesta fejn ħatar diversi esperti sabiex jassistuh, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport