Sunday, December 22, 2024

Sorpriża sabiħa lil Lamin Jaiteh mill-istudenti tal-Kulleġġ San Elija

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ġest żgħir iżda li żgur ġie apprezzat u nissel tbissima kien dak li għamlu grupp ta’ studenti mill-Kulleġġ San Elija.

Dan hekk kif f’dawn l-aħħar ġranet l-istudenti tal-klassi 7A ippreparaw kartolina b’xewqat ta’ fejqan ta’ malajr għal Lamin Jaiteh, ir-raġel mill-Ghana li allegatament tħalla abbandunat fuq bankina wara li waqa’ minn għoli ta’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Mellieħa.

Is-Sur Karl Carabott wassal din il-kartolina f’isem l-istudenti. 

Kif jixhed ir-ritratt, Jaiteh laqa’ dan il-ġest bi tbissima kbira u ma naqasx milli jgħaddi kumment lis-Sur Carabott fejn qallu: “Ġismi muġugħ imma qalbi ferħana bis-saħħa ta’ dawn it-tfal.”

F’dawn l-aħħar jiem il-ġesti ta’ solidarjetà ma waqfux hekk kif ftit tal-jiem ilu Caroline Galea, waħda mill-ewwel persuni li sabet lil Jaiteh abbandunat fuq il-bankina, kienet ħabbret li Lamin kellu bżonn għajnuna finanzjarja wara li spiċċa bla impjieg. 

Il-Victim Support Malta, flimkien ma’ individwi u entitajiet oħra bdiet ġbir ta’ fondi għal Jaiteh u fi ftit ġranet kienet inġabret is-somma sabiħa li qabżet it-€30,000.

B’rabta ma’ dan il-każ, fit-30 ta’ Settembru Glen Farrugia, id-Direttur tal-kumpanija J&G Farrugia Contractors, tressaq il-Qorti. Farrugia ġie akkużat fost l-oħrajn li kkawża ġrieħi gravi, involontarji fin-natura tagħhom u/jew b’negliġenza u li naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji meta kienu għaddejjin xogħolijiet f’ċerti għoli u li ma għamilx risk assessment fuq is-sit. Min-naħa tad-difiża saret it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Qorti ċaħdet din it-talba u b’hekk Farrugia baqa’ jinżamm arrestat.

Ekonomija

Sport