Friday, December 20, 2024

Speaker fi żmien diffiċli

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba, il-membri parlamentari bdew jindirizzaw lis-Sedja bil-kliem “Madam Speaker” jew “Sinjura President”. Spiteri Debono mexxiet il-Kamra b’imparzjalità kbira fiż-żmien qasir li għamlet Speaker, ftit inqas minn sentejn, żmien turbolenti ħafna għall-Gvern immexxi minn Alfred Sant, l-iktar minħabba r-reżistenza li beda jsib mill-ex Mexxej Dom Mintoff li kien qed iservi ta’ deputat fuq il-bankijiet tal-Gvern.

L-ewwel problema kbira għall-Gvern inqalgħet f’Novembru 1997 meta l-Gvern ressaq il-Budget għall-1998 li f’ħafna voti Mintoff astjena u kellhom jgħaddu propju bil-casting vote tal-Ispeaker billi l-Gvern kellu biss maġġoranza ta’ siġġu wieħed minkejja l-maġġoranza ta’ 8,000 li kien ġab. Il-kwistjoni kienet l-iktar fuq it-tariffi tad-dawl u l-ilma proposti mill-Gvern li Mintoff kien kontriehom.

Fid-diskors tas-Sette Giugno tal-1998, Spiteri Debono qalet li “l-mod kif seħħew ċerti sitwazzjonijiet fil-Parlament tagħna matul din l-aħħar sena juri li la huwa għaqli u lanqas ġust li speċjalment f’każi fejn riżultat elettorali jirrikjedi rikors għall-Kostituzzjoni kif emendata fl-1987 biex jiġi ffurmat gvern ma tkunx teżisti relattività bejn il-maġġoranza tal-voti miksuba u kif din il-maġġoranza tkun riflessa f’siġġijiet parlamentari u dan fl-interess tal-prinċipju tal-governabilità fejn il-poplu b’saħħa akbar minn kwota waħda elettorali jkun għażel il-programm għal-leġiżlatura li tkun tmiss mhuwiex f’loku li tkun tista’ tinħoloq xi sitwazzjoni li biha tinkiser in-normalità tat-tmexxija.”

Spiteri Debono qalet ukoll li “l-backbenchers f’kull grupp parlamentari jridu jkollhom ukoll sens ta’ dixxiplina u responsabilità kollettiva u jridu kull wieħed u waħda minnhom jirrealizzaw illi meta jiddipartixxu minn dan is-sens ta’ dixxiplina u responsabilità kollettiva lejn sħabhom fl-istess grupp ikunu qed jipperikolaw l-istabbiltà fit-tmexxija u jistgħu joħolqu kaos parlamentari u kostituzzjonali.”

Propju l-għada, fit-8 ta’ Ġunju 1998, Mintoff ivvota kontra l-proġett għall-iżvilupp tal-Kottonera kif propost mill-Prim Ministru Sant. Dan ġab kriżi serja fil-Gvern. Id-dibattiti twal baqgħu għaddejjin sal-bidu ta’ Awwissu sakemm waqa’ l-Gvern ta’ Sant. Fis-seduti parlamentari mqanqla tas-sajf tal-1998, li ħafna kienu jsegwu fuq ir-radju (kienu għadhom ma bdewx jixxandru fuq it-TV) waqt li jaraw it-Tazza tad-Dinja fuq it-televixin, Spiteri Debono ma qagħditx lura milli ċċanfar lil Mintoff fejn kienet tara l-bżonn, minkejja l-ammirazzjoni kbira li kellha lejh.

Ngħidu aħna dakihar tat-8 ta’ Ġunju, l-Ispeaker qaltlu “Onorevoli Mintoff, diġa ġbidtlek l-attenzjoni iktar kmieni fis-seduta li d-diskussjoni spiċċat. Issa tista’ tagħmel biss dikjarazzjoni tal-vot tiegħek. Min ried jieħu sehem fid-diskussjoni kellu jkun hawn u jieħu l-ħin tiegħu.” Fil-25 ta’ Mejju, Mintoff ma kienx fil-Parlament għax kien mar il-Libja jiltaqa’ ma’ Gaddafi. Mintoff weġibha, “Madam Speaker, allura jmissek żammejt lil kulħadd milli jitkellem. Se żżommni milli nagħmel dikjarazzjoni ta’ vot?” L-Ispeaker qaltlu “Id-dikjarazzjoni ta’ vot trid tkun fil-qosor.” Mintoff qalilha, “Għadni lanqas bdejt u diġa’ qed tgħidli biex inkun fil-qosor!” U Spiteri Debono reġgħet qaltlu, “Jekk trid tagħmel dikjarazzjoni ta’ vot trid tkun fil-qosor. Jekk għażilt li ma tkunx hawn biex tieħu sehem fid-diskussjoni ma kontx hawn.”

Ir-Ruling tal-Ispeaker

Imbagħad fit-12 ta’ Lulju 1998, il-Prim Ministru Sant rabat l-approvazzjoni ta’ riżoluzzjoni partikolari, dik tal-Proġett tal-Kottonera, ma’ vot ta’ fiduċja fil-Gvern. Mintoff ivvota kontra r-riżoluzzjoni u l-vot intilef. F’ruling mitlub minn Sant fis-seduta suċċessiva, l-Ispeaker iddeċidiet hekk:

“Is-Sedja tirriferi lill-Kamra kollha għall-artiklu 76… tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jgħid: ‘jekk il-Kamra tad-Deputati tgħaddi riżoluzzjoni, li jkollha voti favur tagħha ta’ maġġoranza tal-membri kollha tagħha, li ma għandhiex fiduċja fil-Gvern, u l-Prim Ministru fi żmien tlett ijiem la ma jirriżenja mill-kariga tiegħu u lanqas jagħti parir għal xoljiment, il-President jista’ jxolji l-Parlament’.”

“Fis-Seduta Nru. 239 il-Kamra ma kellhiex quddiemha riżoluzzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern, liema riżoluzzjoni trid tkun speċifika u jrid ikollha notice ta’ tlett ijiem, kif inhu normali, imma kellha biss riżoluzzjoni fuq il-proġett tal-Kottonera.”

“Barra minn dan, jekk aħna nirriferu għall-kliem ‘’li jrid ikollha voti favur tagħha ta’ maġġoranza tal-membri kollha tagħha”, anke jekk kellna ngħidu li dik kienet riżoluzzjoni ta’ sfiduċja minħabba l-interpretazzjoni politika li għażel li jagħtiha l-Gvern, xorta waħda ma kinitx tgħaddi għax il-Membri kollha ta’ din il-Kamra f’dan il-każ huma 70 u mhux 69.”

Iżda fit-3 ta’ Awwissu, Sant mar għand il-President Ugo Mifsud Bonnici biex ixolji l-Parlament u ħabbar id-data tal-Elezzjoni għall-5 ta’ Settembru 1998.
Tissemma għal President

Wara r-riżenja ta’ Alfred Sant minn mexxej tal-Partit fl-2008, Spiteri Debono kienet appoġġjat lil Dr George Abela fin-nomina tiegħu għal mexxej tal-Partit. Kienet ukoll dehret f’attività pubblika li fiha anki Mintoff kien appoġġja lil Abela.
Wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat fl-2013, il-gazzetta “Il-Mument” fil-faċċata ta’ quddiem tal-ħarġa tagħha tat-3 ta’ Novembru kienet xandret ritratt kbir ta’ Spiteri Debono bit-titlu “Il-preferuta ta’ Joseph Muscat għal President ta’ Malta” iżda f’April 2014 intgħażlet Marie Louise Coleiro Preca.

Wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat minn mexxej tal-Partit fl-2020, Spiteri Debono kienet appoġġjat lil Chris Fearne fin-nomina tiegħu għal mexxej tal-Partit.
Spiteri Debono baqgħet tagħti pariri ta’ nutar fi programmi tar-radju fuq l-istazzjon ONE.

F’Jannar 2023, il-Partit Nazzjonalista nnomina lil Spiteri Debono għall-irwol ta’ Kummissarju tal-Istandards, iżda Spiteri Debono esprimiet rabja li l-Partit Nazzjonalista qabad u tefa’ isimha mingħajr ma kkonsultaha u sostniet li hi ma tħossx illi hija kwalifikata għal dik il-pożizzjoni.

Ekonomija

Sport