Wednesday, April 24, 2024

Special Olympics 2022: Il-Maltin jirbħu aktar midalji

Aqra wkoll

Fit-tieni ġurnata ta’ li Special Olympics Invitational Games li qed isiru f’Malta fejn l-atleti Maltin kisbu bosta midalji mifruxa fuq it-tliet kategoriji ta’ kulur.

Fl-atletika li qed issir fil-Matthew Micallef St. John Stadium, tliet atleti Maltin għamlu clean sweep meta fil-100 metru kollha spiċċaw fuq il-podju meta anke pproduċiet tmiem eċċitanti.

Kien Matthew Bugeja li rebaħ il-midalja tad-deheb waqt li Gilmour Borg ħa l-fidda u Samuel Farrugia l-bronż.

F’sezzjonijiet oħra minn din id-dixxiplina Isaac Meli spiċċa l-ewwel u ħa d-deheb b’Alec Falzon ukoll jispiċċa fl-ewwel post segwit minn Cody Buhagiar li rebaħ il-fidda.

Fil-50 metru mixed Laura Abela spiċċat it-tieni segwita minn Gianni Abdilla filwaqt li f’kategorija oħra tal-istess avveniment, Robert Camilleri spiċċa wara t-Taljana Florentina Buccheri.

Fl-400 metru Naomi Axisa spiċċat it-tielet u fil-kategorija tal-irġiel Jake Gatt kellu tellieqa stupenda meta reġa’ lura fl-ewwel post wara li kien qabżu Kyle Gatt biex dan jidħol fit-tieni post u Gareth Borg fir-raba’ post.

F’diviżjoni oħra tal-400 metru Mattheus Muscat temm tellieqa sodisfaċenti meta daħal fit-tielet post.

Fl-ewwel avveniment tax-shot put kategorija 4kg kien Jerome Nwoko li rebaħ il-midalja tad-deheb waqt li dik tal-fidda marret għand Mattheus Muscat.

Fil-kategorija tan-nisa tax-shot put ta’ 3kg il-midalja tad-deheb intrebħet mill-Finlandiża, Nea Tilli, segwita minn Ann Marie Bugeja li spiċċat it-tieni u b’hekk rebħet il-midalja tal-fidda.

Fil-Bocce l-Maltin kisbu rebħiet impressjonanti fejn Mark Agius rebaħ  kontra avversarju Belġjan 6-1 waqt li Jean Paul Agius warrab l-isfida ta’ avversarju mill-Emirati Għarab Magħ­quda, 4-2.

Logħba bejn żewġ koppji Maltin, Brian Muscat u Alex Schembri, għelbu lil John Vella u Joseph Borg 5-4 u anke għelbu lil Franza 3-1.

Vella u Borg rebħu wkoll kontra koppja Mal­tiija oħra, James Vassallo u Robert Vidal, bl-iskor ta’ 6-5.

Fil-kategorija tad-doubles il-Maltin Alex Schembri u Brian Muscat rebħu l-midalja tad- deheb meta għelbu lil Louis Vella u Joseph Borg 7-4.

Midalja tad-deheb oħra ġiet mirbuħa minn Malta meta fil-kategorija tat-timijiet kienu Micallef, Doublet, Borg u Aquilina li ħarġu rebbieħa 6-2 kontra Pace, Schembri, Muscat u Scicluna.

Fil-football iż-żewġ timijiet Maltin kellhom rebħa ristretta ta’ 1-0 fejn Malta Whites rebħu l-ewwel logħba tagħhom kontra l-Isle of Man 1-0 waqt li Malta Reds rebħu kontra l-istess Isle of Man b’goal uniku wkoll. Huma għelbu wkoll lil San Marino bl-iskor ta’ 5-1 fejn Jurgen Farrugia skorja hat-trick.

F’logħbiet oħra l-Ungerija u l-Awstrija kisbu rebħa simili ta’ 6-0, tal-ewwel kontra San Marino u l-Awstrijaċi kontra Liechtenstein. F’logħba oħra Ġibilta’ għelbu lil Iżrael meta għelbuhom bl-iskor ta’ 4-0.

Għalhekk Malta Reds spiċċaw fl-ewwel post ta’ Grupp A meta temmew l-impenji tagħhom b’10 punti minn erba’ logħbiet.

Fil-bowling li qed isir fl-Eden Super Bowl f’San Ġiljan, il-Maltin kellhom suċċess fantastiku meta għamlu clean sweep fejn Philip Gruppetta u Peter Mallia rebħu l-midalja tad-deheb, Luke Burke u Daniel Grech il-fidda waqt li Rachel Chircop u Amanda Cini ħadu l-bronż.

Sport