Monday, May 13, 2024

Sri Lanka tilħaq ftehim preliminari mal-IMF

Aqra wkoll

Sri Lanka laħqet ftehim pre­liminari mal-Fond Moneteraju Internazz­jonali (IMF) għal self ta’ $2.9 biljun u dan hekk kif il-pajjiż qiegħed jipprova jsib mezz kif joħroġ mill-agħar kriżi ekonomika li laqtet lil dan il-pajjiż fl-aħħar deċennji. 

Il-ftehim għad irid jiġi approvat mill-IMF u mill-bord eżekuttiv u dan se jkun qiegħed ipoġġi pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-pajjiż biex jużaw dawn il-flus ħalli jwett­qu l-miżuri li hemm bżonn.

Peter Breuer, li huwa uffiċjal tal-IMF, meta tkellem ma’ midja internazzjonali qal li dan il-ftehim huwa biss il-bidu minn triq twila li għandu quddiemu l-pajjiż tas-Sri Lanka. Huwa tenna li l-awtoritajiet tal-pajjiż diġà bdew il-proċess ta’ riformi u dawn għandhom ikompli għaddejjin b’determinazzjoni. 

Il-programm li qiegħed jipproponi l-IMF se jkun mifrux fuq 48 xahar u l-għan hu li jtejjeb id-dħul tal-gvern biex tkun appoġġjata l-konsolidazzjoni fiskali, jintroduċi prezzijiet ġodda għall-fjuwil u l-elettriku, tiżdied in-nefqa soċjali, tissaħħaħ l-awtonomija tal-bank ċentrali, kif ukoll terġa’ tinbenda r-reserva barranija li tinsab fi stat diżastruż. 

Għal dawn l-aħħar xhur, is-sitwazzjoni ekonomika diżastruża tas-Sri Lanka wasslet għal nuqqasijiet kbar f’dawk li huma provvisti ta’ fjuwil u prodotti bażiċi. Dan kollu qiegħed iwassal għal instabbiltà politika u inflazzjoni li qiegħda tlaħħaq kważi 65%. 

Sport