Monday, December 23, 2024

STAĠUNI, PROTESTI U SANZJONIJIET

Aqra wkoll

Jidher li hemm żewġ dati li fihom tibda r-rebbiegħa: il-21 ta’ Marzu kif dejjem għallmuni; u l-ewwel tal-istess xahar. Hemm raġunijiet tajba għaliex dan għandu jkun. L-istess jiġri għall-ħarifa: bħala tfal kienu jgħidulna li din tibda fil-21 ta’ Settembru. Mentri għat-tfal mill-Belġju u ’l fuq, żgur sa’ Moska, is-sajf jispiċċa fl-1 ta’ dak ix-xahar, f’liema data jerġgħu lura lejn l-iskola. L-ewwel darba li rajt dil-ħaġa tiġri qiest li qed isseħħ inġustizzja. It-tfal kienu qed jiġu misruqa minn tliet ġimgħat ta’ vaganzi tas-sajf.

Din li l-istaġuni ma jibdewx u jintemmu f’dati fissi tkompli tikkomplika fehma li żdiedet dwar kif madwar il-Mediterran, l-istaġuni saru tnejn: forma ta’ xitwa qasira u speċi ta’ sajf twil twil, li bela’ l-ħarifa u r-rebbiegħa. Il-panikk li għaddej minħabba l-effetti ta’ klima dinjija li qed tisħon wisq ikabbar il-konfużjoni dwar il-qagħda tal-istaġuni.

PROTESTI

Ħaġa ċara li f’demokrazija id-dritt ta’ protesti fil-publiku kontra l-politika tal-gvern tal-ġurnata għandu jkun rispettat u mħares. Dwar kemm il-gvernijiet jibdlu l-pożizzjoni tagħhom minħabba l-istess protesti hi ħaġa anqas ċara.

Matul is-snin, ħadt sehem f’għadd sew ta’ protesti jew anki organizzajthom. Fost oħrajn, kontra: it-tkeċċija ta’ ħaddiema tal-gvern; l-kuntratt ta’ Chambrai; l-isptar San Raffaele; l-introduzzjoni tal-VAT; il-ħelsien ta’ traffikant tad-droga; il-laxkezza fil-ġlieda kontra d-droga; il-mod kif priġunier fil-ħabs tħalla jmut; il-koruzzjoni; kif tmexxew in-negozjati biex Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea;  il-bejgħ tal-Mid-Med bank lill-HSBC; diversi skandli ta’ korruzzjoni; l-iskandlu tal-Bajja tal-Mistra…

Ma nistax ngħid li minkejja li dawn il-protesi qajmu kuxjenza (għax kien hemm raġunijiet serji warajhom), servew ħafna biex jaffettwaw id-deċiżjonijiet tal-gvern. Bla dubju, ħafna minn dawk li qed jieħdu sehem fil-protesti tal-lum xejn ma kienu jaqblu mal-protesti ta’ dak iż-żmien. Naraw sa fejn se jaslu b’tagħhom.

SANZJONIJIET

Apparti milli jibagħtu l-armi lill-Ukrajna biex din tiddefendi ruħha, l-Ewropej qed imexxu numru ta’ sanzjonijiet – ekonomiċi, finanzjarji, soċjali—kontra r-Russja u r-Russi. Ma jistgħux jagħmlu mod ieħor, jekk iridu jattwaw il-kundanna għall-aġir tar-Russja mingħajr ma jiftħu gwerra kontra dak il-pajjiż.

Imma kemm qed ikunu effettivi s-sanzjonijiet? Kien mistenni per eżempju li wara sena, l-ekonomija Russa setgħet tiċkien b’xi 15 fil-mija. Effettivament naqset b’anqas minn 4 fil-mija, skont il-Fond Monetarju Internazzjonali.

Punt li rrakkontaw fuq it-televiżjoni Franċiża jiċċara l-problema. Bis-sanzjonijiet, Franza waqfet timporta ż-żjut raffinati Russi. Minflok qed tixtrihom mill-Indja, li m’għandhiex żjut tagħha. L-importazzjoni ta’ żjut Russi mhux raffinati mill-Indja kiber sew. Sadattant, fis-swieq dinjin, il-prezz taż-żjut (raffinat jew le) żdied bil-kbir. 

Ekonomija

Sport