Wednesday, April 24, 2024

Standards soċjali ġodda li bihom se jkunu regolati d-djar tal-anzjani

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li b’avviż legali li se jkun ippubblikat fil-ġranet li ġejjin, se jiġu implimentati standards soċjali ġodda, li permezz tagħhom, il-proċeduri li bihom jitħaddmu d-djar ta’ kura residenzjali għall-anzjani, se jiġu regolati.

Waqt it-tnedija ta’ dawn l-istandards, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega li s-sena li għaddiet, dawn l-istandards kienu tressqu għall-konsultazzjoni pubblika u r-rispons li kien hemm, ġie evalwat b’mod estensiv, anke fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ pandemija li l-pajjiż kien u għadu għaddej minnha.

“Is-seba’ standards, għaldaqstant, tfasslu skont is-suġġerimenti li saru matul il-konsultazzjoni pubblika u se jkunu qed iwasslu biex inkomplu ngħollu s-servizz ta’ kwalità li jixiriqilhom l-anzjani tagħna, kemm dawk li jinsabu fi djar tal-Gvern, tal-Knisja u anke fi djar privati,” qal il-Ministru Farrugia.

Dawn l-istandards huma bbażati fuq il-prinċipji li jassiguraw li l-anzjani jirċievu kwalunkwe kura li għandhom bżonn, li jkunu trattati b’rispett, li jkollhom il-privatezza tagħhom, li jkunu salvagwardjati minn abbużi, li jkunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom waqt li jħossuhom protetti u siguri, li jkunu trattati b’mod ugwali u jkollhom id-dritt li jressqu l-ilmenti tagħhom.

L-avviż legali se jagħti s-saħħa lill-persuni li jaħdmu fl-Awtorita tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali, fi ħdan il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, biex ikunu ta’ gwida lil dawn id-djar ħalli min-naħa tagħhom, ikunu f’pożizzjoni li jtejbu s-servizzi li joffru.

Il-Ministru ħabbar li l-gvern se joħroġ numru ta’ tenders biex isir titjib fl-infrastruttura ta’ numru ta’ djar immexxija minnu, fosthom il-bini mill-ġdid tad-dar tal-Imsida.

Huwa appella lill-operaturi tad-djar biex jaħdmu id f’id mal-awtorità għal għan wieħed—għall-ġid tal-anzjani.

Sport