Sunday, December 22, 2024

Strajk ieħor mit-tobba ġodda fl-Ingilterra

Aqra wkoll

Tobba li għadhom jilħqu fl-Ingilterra se jagħmlu strajk ta’ ħamest ijiem fit-tilwima li ilha għaddejja mal-gvern dwar il-pagi u s-salarji tagħhom. It-tobba membri tal-Assoċjazzjoni Medika Brittanika (BMA) se joħorġu fuq strajk fis-27 ta’ Ġnju, ġimgħa qabel jum l-elezzjoni ġenerali li għandha ssir fl-4 ta’ Lulju li ġej.

Il-unjin qalet li qed tieħu azzjoni peress li ma kien hemm l-ebda offerta ġdida kredibbli wara li bdew taħditiet f’nofs dan ix-xahar. Din l-azzjoni ndustrijali mit-tobba qed titqies mill-Prim Ministru konservattiv Rishi Sunak bħala waħda li tista hija motivata politikament.

Fit-teorija, in-negozjati setgħu komplew matul il-perjodu tal-elezzjoni u l-tal-kampanja elettorali, iżda minħabba li l-ministri kif ukoll il-ħaddiema taċ-ċivil huma okkupati mill-elezzjoni u l-prospett li l-Konservattivi ma jkunux fil-poter wara l-4 ta’ Lulju seta’ kien diffiċli li jintlaħaq ftehim.

Il-BMA talbet żieda fil-pagi ta’ 35% biex tpatti għal dak li tgħid li huma 15-il sena ta’ żidiet fil-pagi taħt l-inflazzjoni. It-tobba junior irċevew żieda fil-pagi b’medja ta’ kważi 9% fl-aħħar sena finanzjarja. L-Assoċjazzjoni kienet abbandunat it-taħditiet is-sena l-oħra li meta ġiet diskussa żieda ta’ 3%.

Din se tkun il-11-il darba li tobba junior joħorġu fuq strajk f’din it-tilwima wara l-ewwel strajk tagħhom f’Marzu 2023. Waqt l-istrajk, is-servizz mit-tobba junior se jkun kopert mit-tobba anzjani.
Dan se jikkawża tfixkil kbir u ttardjar tas-servizzi elettivi, bħal operazzjonijiet ta’ rutina, jiem qabel l-elezzjoni ġenerali. Tobba junior jirrappreżentaw kważi nofs il-forza tax-xogħol fl-NHS b’żewġ terzi minnhom membri tal-British Medical Association.

Il-ko-presidenti tal-kumitat tat-tobba junior fi ħdan il-BMA, Dr Robert Laurenson u Dr Vivek Trivedi qalu għamluha ċara lill-gvern li se jibqgħu jirrikorru għal azzjonijiet li jolqtu sakemm id-diskussjonijiet ma jispiċċawx f’offerta ta’ żieda kredibbli fil-paga.

Żiedu jgħidu li meta daħlu għall-medjazzjoni mal-gvern dan ix-xahar kellhom l-impressjoni li l-gvern kien wieħed li jiffunzjona u li kien se jagħmel offerta ġdida. Jidher ċar li s’issa l-ebda offerta ma ġiet u għaldaqstant il-paċenzja tat-tobba junior laħqet il-limitu tagħha.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Rishi Sunak waqt attivita tal-kampanja elettorali f’Devon qal li huwa diffiċli ma jingħadx li l-azzjoni għandha xamma politika minħabba ż-żmien u li l-istrajk issejjah f’kampanja elettorali, speċjalment peress li kien hemm soluzzjoni kostruttiva mal-bqija tal-forza tax-xogħol tal-NHS. Huwa qal ukoll li tobba junior kienu diġà ġew offruti ftehim ta’ żieda medja ta’ 10%.

Is-Shadow Secretary Laburista tas-Saħħa, Wes Streeting qal li “l-gvern Laburista li jmiss se jinnegozja ma’ tobba junior biex jintemmu dawn l-istrajks.”

Azzjoni ta’ strajk minn tobba junior ilha ssir ukoll fl-Irlanda ta’ Fuq b’waqfa oħra ppjanata fil-bidu ta’ Ġnju. It-tobba junior fl-Iskozja ma strajkjawx wara li aċċettaw offerta ta’ paga mill-gvern hemmhekk.

Saffron Cordery, deputat kap eżekuttiv fl-NHS Providers, li jirrappreżenta l-isptarijiet, qal li l-aħbar tal-azzjoni ta’ strajk ieħor kienet “eskalazzjoni inkwetanti” tat-tilwima. Dan l-istrajk inevitabbilment se jolqot ħafna lill-pazjenti”.Kważi 1.5 miljun appuntamnti u operazzjoni ġew ikkanċellati minħabba l-azzjoni ta’ strajk fl-NHS fl-Ingilterra bi spiża stmata li tlaħħaq 3 biljun Sterlina.

Ekonomija

Sport