Tuesday, May 14, 2024

STRATEĠIJA NAZZJONALI GĦAL AMBJENT AĦJAR

Aqra wkoll

L-ambjent jikkontribwixxi bil-kbir għall-kwalità tal-ħajja li ngħixu u aktar ma jgħaddi ż-żmien qed ikompli jikber fl-importanza tiegħu. Illum l-ambjent m’għadux “buzz word” imma prijorità u dritt ta’ kull ċittadin biex igawdi kwalità ta’ ħajja aħjar. L-importanza tal-ambjent żdiedet bl-impatt tal-pandemia Covid-19. Tassew, il-pandemija ġabet magħha għarfien ġdid fuq l-ambjent tagħna u ressqitna aktar lejh.

Ħafna sar tul dawn l-aħħar snin biex kull wieħed minnha jgawdi minn ambjent aħjar. Ħafna sar biex pajjiżna tassew jindirizza l-kunċett ta’ sostenibiltà. Ta’ importanza kbira kienu proġetti ambjentali bħal – ECOHIVE – l-ikbar investiment fl-immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna, li se tkun qed tirrivoluzzjona l-mod kif pajjiżna jimmaniġja l-iskart u tmexxi lil pajjiżna lejn l-ekonomija ċirkolari. Ta’ importanza hija l-ħidma tal-gvern biex tkompli tiġi konsolidata l-idea li l-iskart ġġenerat minn pajjiżna għandu jiġi riċiklat. Ta’ importanza wkoll hija l-politika tal-gvern biex inkomplu inħaddru pajjiżna. 

Il-Gvern Laburista però ħass li dan ma kienx biżżejjed. Kien għalhekk li flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija nazzjonali għall-ambjent li għandha twassalna sal-2050. Strateġija li hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li tiddefinixxi l-għanijiet ewlenin għall-azzjonijiet futuri tal-pajjiż, pjanijiet ta’ politika u investimenti għal kwalità ta’ ħajja aħjar, ambjent aktar b’saħħtu u sostenibbli, u ekonomija climate-neutral.

Strateġija li tiffoka fuq tmien għanijiet, li huma arja nadifa, il-kwalità tal-ibliet u l-irħula tagħna, skart minimu, riżorsi tal-ilma sostenibbli, ibħra nodfa, riżorsi tal-art reżiljenti, bijodiversità b’saħħitha u l-mixja lejn ekonomija ekoloġika. Nemmnu li din hija strateġija li fiċ-ċentru tagħha hemm l-individwi sabiex fl-aħħar mill-aħħar kulħadd ikun jista’ jgawdi stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha u sostenibbli.

Strateġija li ġiet varata wkoll ftit ġimgħat qabel jitħabbar il-budget għas-sena d-dieħla, li mistenni jaħseb ukoll f’miżuri ambjentali li huma msejsa fuq il-viżjoni tal-Gvern għas-snin li ġejjin, il-Malta ta’ Għada. Fuq kollox, dawn huma miżuri li mistennija jħallu effett fiż-żmien li ġej u għodda biex tiġi implimentata l-viżjoni tiegħu, viżjoni li tpoġġi l-ambjent, l-ekonomija u l-qasam soċjali fuq l-istess livell. 

Sport