“Strieħ fis-sliem ħabib u grazzi tal-pariri kollha li tajtni. Mhu se ninsik qatt bħala eks kollega u l-għajnuna li dejjem kont lest biex tagħti kull fejn ikun hemm bżonn”. Hekk sellem il-memorja ta’ Raymond Mifsud wieħed mill-ħbieb tiegħu hekk kif aktar kmieni ġriet l-aħbar tal-mewt tiegħu wara jiem fit-taqsima tal-kura intensiva fl-Isptar Mater Dei.
Aktar kmieni tħabbret il-mewt tar-raġel li fl-20 t’Ottubru li għadda kien involut f’inċident fil-Port Ħieles f’Birżebbuġa.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1:30 a.m meta r-raġel kien involut f’inċident li seħħ bejn żewġ vetturi li jintużaw biex jinġarru l-kontejners.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn żewġ inġenji li kienu qed jinstaqu minn raġel ta’ 30 sena residenti r-Rabat u mill-vittma – raġel ta’ 58 sena residenti Marsaskala.
Fil-post issejjaħ tim mediku flimkien mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex ir-raġel ta’ 58 sena ngħata l-għajnuna neċessarja sakemm huwa seta’ jittieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar osservazzjoni medika. Aktar tard huwa kien ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.
Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella li ħatret esperti biex ikunu jistgħu jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.