Wednesday, April 24, 2024

Studenti tal-Università fl-Iran f’konfrontazzjoni mal-forzi tas-sigurtà

Aqra wkoll

Il-pulizija tal-Iran kienu involuti f’konfrontazzjoni ma’ studenti ta’ waħda mill-iktar universitajiet prestiġjużi tal-pajjiż.

Il-każ seħħ fl-università ta’ Sharif ġewwa l-kapitali Tehran, u filmati li xxandru fuq il-midja internazzjonali kienu juru studenti jaħarbu mill-forzi tas-sigurtà hekk kif fil-bogħod bdew jinstemgħu bħal qishom tiri t’armi tan-nar. 

Filmat ieħor kien juri forzi tas-sigurtà fuq mutur allegatament jisparaw lejn vettura li minnha passiġġier kien qiegħed jiġbed filmat ta’ dak li kien qiegħed jiżvolġi fuq il-kampus. Rapporti oħrajn kienu qed jgħidu li forzi tas-sigurtà attakkaw id-dormitorji tal-istudenti u sparaw anke tiri t’armi tan-nar, filwaqt li rapporti oħrajn qalu li ntuża gass tad-dmugħ fuq id-dimostranti. 

Il-protesti antigovernattivi ġewwa l-Iran żvolġew lejn l-aħħar ta’ Settembru li għadda sewwasew wara l-mewt ta’ Mahsa Amini; mara ta’ 22 sena li tilfet ħajjitha ftit wara li ġiet arrestata mill-pulizija tal-moralità minħabba li ma kinitx liebsa il-ħiġab. Rapporti allegaw li waqt l-arrest Amini kienet ingħatat daqqiet ta’ bastun f’rasha u anke ħabtet rasha ma’ waħda mill-vetturi tal-pulzija. Hija kienet mietet wara jiem f’koma. Min-naħa tagħhom l-uffiċjali tal-pulizija qalu li din mietet wara li sofriet “attakk f’qalba għal għarrieda”.

Skont Iran Human Rights, għaqda mhux governattiva bbażata fin-Norveġja, s’issa matul dawn id-dimostrazzjonijiet tilfu ħajjithom 133 persuna. 

Sport