Hekk kif waslet fi tmiemha l-kampanja elettorali b’ħidmieti man-nies bħala kandidata faċli nintebaħ fejn sar ħafna xogħol effettiv matul il-leġislatura li għaddiet u fejn għad hemm ċerti problemi.
B’mod ġenerali l-ilmenti u bżonnijiet tal-komunità naqsu ħafna minn żmenijiet oħra li kkontestajt fihom.
Fis-setturi tal-Ġustizzja, Edukazzjoni, Taxxa u Aġenzija Sapport il-każijiet kienu wieħed jew tnejn fuq distrett sħiħ. Ironikament anke persuni qed ifittxu xogħol jekk kien hemm sitt każijiet fuq distrett sħiħ kienu ħafna u minn dawn hemm nies li qed jaħdmu full-tajm u t-tir tagħhom huwa li jtejbu s-sitwazzjoni personali tagħhom iktar milli għax m’għandhomx xogħol. Fil-qasam ta’ persuni li jixtiequ jidħlu ġo dar tal-anzjani dawn ukoll ma ammontawx għal iktar minn sitta fuq distrett sħiħ u wħud minnhom diġà qegħdin ġo dar tal-anzjani u jixtiequ sempliċement jibdlu. Dan is-settur jibqa’ wieħed kemm ferm diffiċli għall-gvern iżda bil-popolazzjoni dejjem tikber u l-mediċina dejjem titjieb wieħed jifhem għal xiex id-domanda hija dejjem preżenti.
Fil-każ tal-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar każijiet pendenti huma wkoll minimi. L-istess jista’ jingħad għall-qasam tas-servizzi soċjali u fil-fatt l-uniċi ftit każijiet li kelli solvejthom. Iltqajt ukoll fost l-ilmenti ma’ problema ambjentali jew tnejn li jistgħu jispikkaw fix-xhur li ġejjin u li s’issa ma ssemmewx ħafna.
Spikkaw ukoll ilmenti dwar parkeġġ għal persuni b’diżabbiltà. Dawn kienu minimi u fil-fatt b’kooperazzjoni mal-Ministru konċernat u s-CRPD irnexxieli nsolvihom ukoll.
Interessanti li fil-qasam tas-saħħa xogħol il-gvern qed jidher ferm ukoll. Meta f’kampanji qabel din, speċjalment fi żmenijiet ta’ gvern nazzjonalista, kont tħabbat f’akwata ta’ djar fejn in-nies ikunu tal-istess età, għid li se ssib ringiela sħiħa ta’ persuni Ii ilhom ibatu s-snin bl-uġigħ u nuqqas ta’ mobbiltà, fost oħrajn, jistennew l-operazzjoni. F’din l-elezzjoni xejn minn dan kollu. Anzi, bilkemm ma nistax ngħid li ċerti nies jgħidulek li diġà għażlu li jmorru sptar privat waħedhom għax kellhom ir-riżorsi biex jagħmlu hekk.
Rigward toroq u telqa ambjentali għalkemm il-poplu jirrikonoxxi illi sar ħafna, xorta waħda r-rapporti daħlu u nista’ ngħid li fl-aħħar tal-kampanja sfortunatament spiċċajt b’għadd ta’ ilmenti sostanzjali. Dawn inkludew ukoll tneħħija ta’ kaxxi sofor għall-parkeġġ u toroq li huma skedati li jsiru imma x-xogħol għadu ma bediex.
Min-naħa l-oħra l-komunità fuq id-disstrett tiegħi li tinkludi Sliema, San Ġiljan u Paceville jidher li s-sezzjoni tat-Tindif Pubbliku u l-Pulizija għandhom ferm x’jaqdfu biex iżommu lin-nies kuntenti f’żoni turistiċi. Jista’ jkun li anke fis-sistema tal-ġbir tal-iskart l-unika soluzzjoni hija li jinġabar filgħaxija billi kelli ħafna ilmenti li qed jinġabar qabel il-ħin taċ-“check-out” tat-turisti u jibqa’ ġurnata sħiħa ikerrah il-bankini. Il-ħidma ta’ dawn l-entitajiet f’żoni daqstant turistiċi għalkemm hija kbira xorta waħda mhix biżżejjed. Nispera li l-proċeduri ġodda li ser jiddaħħlu ta’ ‘on-the-spot fines’ u skwadra ta’ pulizija apposta għal bil-lejl għal Swieqi u żoni tal-madwar jgħinu biex l-opinjoni tal-pubbliku titbiddel għall-aħjar.
L-Awtorità tad-Djar tispikka sfortunatament bħala l-iktar Awtorità li ġibdet ilmenti. Mhux biss minn persuni li jixtiequ jingħataw fejn joqogħdu iżda wkoll minn persuni li jixtiequ jibdlu fejn joqogħdu jew li hemm bżonn isirilhom lift jew jiġi finalizzat tali lift fil-blokka. Fil-każ tal-Awtorità tad-Djar ukoll jeżistu każijiet fejn il-persuna għandha persuni bi bżonnijiet speċjali fil-familja (li jidher li ser tiġi riżolta) jew fejn l-applikant/a huma nies li ma jifilħux jaħdmu minħabba mard. F’dawn il-każijiet għamilt verament ħilti kollha sabiex insolvihom. Wieħed jispera li verament jissolvew. Settur li verament qed jinkwieta bosta huma l-applikazzjoni ta’ ‘Sir Sid Darek’ fejn jidher li hemm pendenza kbira u tajjeb li gvern ġdid jitfa’ riżorsi umanitarji ġodda biex inaqqas il-lista ta’ stennija.
Kollox ma’ kollox, iżda, il-ħidma intensiva tiegħi bħala kandidata turi ċar li x-xogħol tal-gvern ħalla l-effett tiegħu. Jidher li ċertu problemi f’ċertu setturi lanqas biss għadhom jissemmew u l-poplu nsiehom. Is-setturi li jissemmew huma fil-fatt setturi li huma ferm vasti. Nemmen li bi proposti ġodda fil-manifest elettorali għandhom jinstabu soluzzjonijiet ġodda dejjiema għal ċerti setturi. Jalla sa elezzjoni oħra din il-lista terġa’ tkun inqas.
Kien ta’ unur għalija niltaqa’ ma’ elettorat ġdid fuq parti oħra ta’ Malta. Ma’ tifħir għall-gvern ma jistax jonqos li ltqajt ukoll. Jalla l-ħolma li ċ-ċittadin ma jiġix bżonn il-politiċi u żmien l-elezzjoni sabiex jinqeda sseħħ. Naħseb li m’aħniex ’l bogħod minn hemm.
Lorna Borġ Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ilha tikteb fuq ‘L-Orizzont’ sa mis-sena 2000 b’intervalli qosra. Ser tikkontesta l-elezzjoni li jmiss fuq id-9sa’ u l-10ar distrett. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com

