Monday, May 25, 2026

“L-AI għandha tkun għodda li tgħin lis-soċjetà u mhux li tagħmlilha ħsara”

– Kenneth Brincat, Kap Eżekuttiv tal-MDIA, jitkellem dwar il-programm “AI 4 All”

Aqra wkoll

L-Intelliġenza Artifiċjali qed tinbidel f’waħda mill-aktar teknoloġiji li qed jinfluwenzaw lid-dinja moderna, u Malta trid tkun preparata għal dak li ġej. 

F’intervista estensiva li ta lil dan il-ġurnal, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Digital Innovation Authority (MDIA), Kenneth Brincat, tkellem dwar il-programm “AI for All”, il-ħtieġa ta’ edukazzjoni dwar l-AI jew aħjar l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-riskji u l-opportunitajiet tagħha, kif ukoll il-viżjoni fit-tul tal-pajjiż.

Brincat spjega li l-kunċett ta’ “AI for All” oriġina mill-ħsieb li Malta ssir wieħed mill-aktar pajjiżi “AI literate” fl-Ewropa. Skontu, mhux biżżejjed li n-nies jużaw l-AI; iridu jifhmu wkoll x’inhi, kif taħdem u kif għandha tintuża b’mod responsabbli.

“Hemm bżonn li n-nies tagħna jkunu jafu l-fundamenti tal-AI, x’inhi l-AI u kif għandna nużawha b’mod responsabbli. Hija għodda li jekk ma tużahiex tajjeb tista’ taħdem kontrik minflok favurik,” qal Brincat.

Huwa spjega li dan il-kors huwa intenzjonat għal kulħadd, mhux biss għan-nies li jaħdmu fis-settur tat-teknoloġija. L-għan tiegħu huwa li jgħin lin-nies jużaw l-AI fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, permezz ta’ taħriġ bażiku u prattiku ħafna.

“Dan mhux kors biex wieħed isir espert tal-AI. Huwa kors bażiku biex il-persuna tifhem kif tista’ tuża dawn l-għodod fil-ħajja ta’ kuljum tagħha. Pereżempju, meta tkun trid tixtri xi ħaġa, tagħżel servizz jew saħansitra tifhem informazzjoni relatata mas-saħħa.”

Brincat qal li l-kors jinkludi wkoll taħriġ bażiku dwar  hekk imsejħa prompts jiġifieri kif wieħed jistaqsi lill-AI sabiex jikseb tweġibiet aħjar u aktar utli. Skontu, ħafna nies jużaw sistemi bħal ChatGPT mingħajr ma jafu kif jinteraġixxu magħhom b’mod effettiv.

Meta tkellem dwar l-għażla tal-għodod li se jkunu inklużi fil-programm, Brincat qal li ġew ikkunsidrati kemm ChatGPT kif ukoll Microsoft Copilot. Huwa spjega li għalkemm ChatGPT huwa popolari ħafna u li qed jiġi offrut bis-servizz tal-Plus, Microsoft qed jiġi offrut bl-Office applications  biex b’hekk jkun aktar inklussiv għal ċerti utenti minkejja li l-Copilot huwa bażiku.

“Fis-suq, ChatGPT Plus jiswa madwar €23 fix-xahar, jiġifieri kważi €270 fis-sena għal kull persuna. Microsoft Office 365 Personal Copilot jiswa madwar €100 fis-sena. Ridna nagħżlu sistemi li jistgħu jilħqu kemm jista’ jkun nies skont il-ħtiġijiet tagħhom.”

Huwa żied li Malta diġà għandha rata għolja ta’ użu ta’ generative AI meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej. Skont statistika tal-Eurostat, madwar 46.6% tal-Maltin jużaw dawn l-għodod b’mod regolari.

“Il-Malti huwa poplu kurjuż u innovattiv. Jħobb jesperimenta meta jkun hemm xi ħaġa ġdida. Dik tpoġġi responsabbiltà fuqna biex ngħallmuhom kif jużaw dawn l-għodod sew.”

Brincat qal ukoll li fil-futur se jiġu offruti moduli aktar speċjalizzati għall-kategoriji differenti ta’ nies, bħal ġenituri, ħaddiema tas-servizz pubbliku u intraprendituri.

Waħda mill-aktar temi li tqajmu fl-intervista kienet il-biża’ li l-AI se tieħu post il-bniedem fid-dinja tax-xogħol. 

Brincat ammetta li ċerti xogħlijiet jistgħu jisparixxu jew jinbidlu, iżda sostna li l-istorja uriet kif teknoloġiji ġodda joħolqu wkoll opportunitajiet ġodda.

Wieħed mill-aktar aspetti li fuqhom enfasizza Kenneth Brincat kien il-bżonn li l-poplu Malti ma jibżax mill-Intelliġenza Artifiċjali, iżda jitgħallem kif jadatta ruħu għaliha. 

Skontu, kull rivoluzzjoni teknoloġika ġabet magħha ċerta biża’ u inċertezza, iżda fl-istess ħin fetħet bibien ġodda għal opportunitajiet differenti.

Huwa spjega li ħafna nies illum għadhom jaraw lill-AI bħala xi ħaġa li tista’ tieħu post il-bniedem kompletament, iżda qal li r-realtà hija aktar kumplessa minn hekk. Fil-fehma tiegħu, l-AI għandha tkun meqjusa bħala assistent li jiffaċilita ċerti proċessi u mhux bħala sostitut assolut tal-bniedem.

“L-AI għandha tgħin lill-bniedem jaħdem aħjar u aktar malajr. Mhux kull xogħol jista’ jiġi sostitwit kompletament minn magna. Hemm il-kreattività, l-emozzjoni u d-deċiżjonijiet umani li dejjem se jibqgħu importanti,” sostna Brincat.

Huwa qal li l-akbar sfida mhux se tkun it-teknoloġija nnifisha, iżda kemm il-ħaddiema u s-soċjetà jkunu lesti jadattaw għall-bidliet li ġġib magħha. Għalhekk sostna li l-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu huma kruċjali sabiex persuna tibqa’ rilevanti fid-dinja tax-xogħol.

Brincat semma kif illum diġà qed naraw kumpaniji li jużaw sistemi ta’ AI biex jiffaċilitaw xogħol amministrattiv, customer care, analiżi tal-informazzjoni u anke marketing. 

Madankollu, qal li dan ma jfissirx li l-bniedem mhux se jibqa’ meħtieġ.

“Persuna li taf tuża l-AI se jkollha vantaġġ kbir fuq min ma jafx jużaha. Għalhekk irridu nippreparaw lin-nies minn issa.”

Huwa kompla jgħid li l-programm “AI for All” għandu proprju dan l-għan: li jagħti lill-poplu għarfien bażiku iżda essenzjali sabiex ħadd ma jibqa’ lura.

Fost is-suġġetti li se jiġu indirizzati fil-kors hemm ukoll il-perikli tal-miżinformazzjoni u ta’ kontenut falz. Brincat qal li ħafna nies għadhom ma jirrealizzawx kemm huwa faċli li wieħed jinħoloq kontenut falz permezz tal-AI, kemm fil-kitba kif ukoll f’ritratti u videos.

“Waħda mill-akbar sfidi tal-futur se tkun li wieħed jagħraf x’inhu reali u x’mhux. 

Għalhekk irridu ngħallmu lin-nies kif jivverifikaw informazzjoni u ma jemmnux kollox awtomatikament.”

Huwa qal ukoll li l-aspetti etiċi tal-AI huma importanti ħafna, speċjalment meta wieħed iqis kemm dawn is-sistemi qed jidħlu fil-ħajja privata tan-nies. Skont Brincat, hemm bżonn bilanċ bejn innovazzjoni u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Dwar Malta, Brincat qal li jemmen li l-pajjiż għandu potenzjal kbir sabiex ikun minn ta’ quddiem nett f’dan is-settur, speċjalment minħabba d-daqs tiegħu u l-kapaċità li jadatta malajr għal teknoloġiji ġodda.

“Malta għandha l-vantaġġ li hi gżira żgħira. Nistgħu nimxu aktar malajr minn pajjiżi kbar f’ċerti deċiżjonijiet u proġetti pilota.”

Huwa tenna li l-viżjoni tal-MDIA mhijiex biss li Malta tuża l-AI, iżda li tagħmel dan b’mod responsabbli, sigur u sostenibbli. Skontu, jekk il-pajjiż jinvesti fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-ħiliet diġitali, jista’ jpoġġi ruħu bħala mudell Ewropew fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali.

“Hemm riskji, iva. Se jkun hemm xi xogħlijiet li jistgħu jispiċċaw. Imma se jinħolqu xogħlijiet ġodda wkoll li llum lanqas biss jeżistu.”

Huwa għamel paragun maż-żmien meta daħal l-internet u l-kummerċ elettroniku. Dak iż-żmien kien hemm biża’ kbira li ċerti setturi jispiċċaw, iżda flok spiċċaw, ħafna minnhom evolvew.

“Meta daħal l-e-commerce, kien hemm min ħaseb li ċerti negozji kienu se jispiċċaw kompletament. Imma ż-żmien uriena li x-xogħlijiet inbidlu aktar milli sparixxew.”

Brincat semma wkoll il-fenomenu ta’ “companionship AI”, fejn persuni li jħossuhom waħedhom jużaw sistemi bħal ChatGPT biex jitkellmu magħhom. Huwa qal li dan għandu jkun indirizzat b’attenzjoni u responsabbiltà.

“Wieħed irid joqgħod attent ħafna. Għalhekk fil-kors nidħlu wkoll fl-aspetti etiċi tal-AI u kif għandha tintuża.”

Fuq l-edukazzjoni, Brincat qal li diġà qed isiru passi importanti sabiex l-AI tidħol fl-iskejjel Maltin. Huwa spjega li studenti mis-sitt sena tal-Iskola Primarja se jibdew jiġu introdotti għall-kunċetti bażiċi tal-AI.

“Dak huwa pass importanti ħafna għad-dinja tal-lum. Nemmen li fil-futur l-AI trid tidħol aktar fil-kurrikulu tal-ICT u saħansitra fil-preparazzjoni għall-università.”

Huwa għamel referenza wkoll għas-sistemi li kienu jeżistu fil-passat u preżent bħall-ECDL u s-Systems of Knowledge, u qal li llum hemm bżonn li dawn jiġu adattati għar-realtà ġdida tal-AI.

Madankollu, huwa sostna li wieħed irid joqgħod attent biex tfal żgħar ħafna ma jkunux esposti għal dawn l-għodod kmieni wisq.

“Il-Gvern qed jagħmel tajjeb li ma jesponix tfal minn età żgħira wisq. Imma fis-sekondarja rridu nintensifikaw ħafna aktar.”

Meta mistoqsi kif jara lid-dinja fi żmien 20 sena oħra, Brincat qal li huwa kważi impossibbli wieħed jipprevedi.

“L-AI qed timxi b’pass mgħaġġel ħafna. Ma nafux x’se jiġri għada, aħseb u ara f’20 sena oħra. Jista’ jkun hemm teknoloġija oħra aktar avvanzata mill-AI.”

Huwa qal li ħafna mill-affarijiet li darba kienu jidhru impossibbli llum saru realtà, u għalhekk m’hemmx limitu għal dak li jista’ jiġri fil-futur.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Brincat enfasizza l-importanza tar-regolamenti u tal-etika. Skontu, il-progress teknoloġiku għandu dejjem jimxi id f’id mar-responsabbiltà soċjali.

“L-importanti huwa li noħolqu regolamenti tajbin u li n-nies jifhmu kif għandhom jużaw dawn l-għodod. L-AI għandha tkun għodda li tgħin lis-soċjetà u mhux li tagħmlilha ħsara.”

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport