Sunday, December 22, 2024

SUĊĊESS WARA L-IEĦOR FL-INDUSTRIJA TAL-FILMS

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista spiss jikkritika lill-Kummissjoni Maltija tal-Films dwar l-infiq tagħha minn fondi pubbliċi bla ma tagħti spjegazzjoni ta’ xejn, l-aktar fis-sistema tal-cash rebate. Il-fatti juru kuntrarju. Saħansitra l-Awditur Ġenerali rrikonoxxa li l-cash rebate hija għodda importanti għall-investiment. 

Saħansitra l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sab li ma ntużaw l-ebda fondi allokati għall-iskemi lokali tal-produzzjoni tal-films għall-Malta Film Week tal-2022, għall-kuntrarju ta’ dak li ntqal. Barra minn hekk, matul ir-reviżjoni, ma nstab l-ebda għemil ħażin. 

Dan ir-rikonoxximent isaħħaħ il-permanenza tal-cash rebate bħala mutur ewlieni tal-investiment dirett barrani li jġib miegħu ħolqien sinifikanti ta’ impjiegi diretti u indiretti għall-ekonomija Maltija.

F’dan il-kuntest irridu nirrikonoxxu illi l-industrija Maltija tal-films saret wieħed mill-pilastri li qed isaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan jidher mill-fatt tal-films imsejħa “blockbusters” li qed jinġibdu fil-faċilitajiet li Malta toffri. 

Konferma ta’ dan kien il-film Gladiator II, li mhux biss ta kontribut sostanzjali lill-ekonomija Maltija imma wkoll kabbar l-isem ta’ pajjiżna f’din l-industrija fejn saħansitra l-atturi ewlenin ilkoll ikkummentaw dwar il-faċiltajiet ta’ livell għoli li toffri l-industrija Maltija tal-films u anke s-sbuħija ta’ pajjiżna. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, ma nistgħux ukoll ma ninnutawx l-isforzi tal-Gvern flimkien mal-Kummissjoni Maltija tal-Films biex jiġu attirati aktar produzzjonijiet ta’ kalibru lejn Malta iżda fuq kollox li jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin f’din l-industrija li issa saret magħrufa mhux biss fir-reġjun tal-Mediterran imma wkoll madwar id-dinja. 

Kieku kellna noqogħdu biss fuq il-kummenti kemm tad-Direttur famuż Ridley Scott kif ukoll tal-atturi li ħadu sehem fi Gladiator II ma jkunx hemm bżonn li aħna nikkummentaw aktar. Iżda rridu nsemmu wkoll li Scott diġà qed jaħseb biex jiġbed it-tielet film f’din is-sensiela. Aħna konvinti li l-Kummissjoni Maltija tal-Films se tagħmel minn kollox biex dan it-tielet film ta’ Gladiator jinġibed ukoll f’Malta. 

Dawn il-fatti kollha jindikaw li l-kritika tal-PN mhux biss hija inġusta imma wkoll hi barra minn lokha. Għalhekk nittamaw illi kull meta l-Kummissjoni tal-Films tiġi kritikata dan għandu jsir b’mod kostruttiv biex mhux biss ittejjeb l-operat tagħha imma wkoll biex ma tintilifx ir-reputazzjoni li kabbret internazzjonalment. 

Ekonomija

Sport