Tuesday, May 5, 2026

SUĠĠETT SENSITTIV LI QED IKOMPLI JINGĦATA PRIJORITÀ MILL-GVERN

Aqra wkoll

Xi kultant bosta nies joqogħdu lura milli jitkellmu fuq ċertu suġġetti, anke minħabba n-natura sensittiva u emozzjonali li dawn jista’ jġib magħhom. Wieħed minn dawn huwa li l-koppja jsiru ġenituri. 

Quddiem dan kollu ma nistgħux ma’ nsemmux ħidmet il-Gvern f’dan ir-rigward. Dan hekk kif, minn kemm ilu li ġie regolat is-settur tal-Prokreazzjoni Assistita, dak magħruf bħala IVF, mill-2013 sal-lum ġew imwielda aktar minn 1,000 tarbija.

Kien proprju Gvern Laburista li sa mis-sena 2015 beda joffri servizz b’xejn mill-Isptar Mater Dei, bis-servizzi li matul is-snin komplew javvanzaw u jiżdiedu, bl-emendi fil-liġi li daħlu fis-seħħ fl-2018 u fl-2022. 

B’dawn il-miżuri kollha flimkien ma’ oħrajn li diġà ġew introdotti, fosthom li ġenituri li jaħdmu għal rashom u għaddejjin minn trattament tal-IVF se jkunu qed jgawdu sa 100 siegħa ta’ leave mħallas mill-Gvern waqt ċiklu ta’ trattament, nemmnu li l-koppji li jagħżlu l-proċess tal-IVF issa għandhom aktar serħan il-moħħ kemm mill-aspett mediku kif ukoll mil-lat finanzjarju.

Quddiem dan kollu, insemmu wkoll dak li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela fil-jiem li għaddew. Minkejja l-bosta investimenti li saru, xorta għad fadal restrizzjonijiet li minħabba fihom ċertu koppji qed ikollhom isiefru biex jagħmlu l-IVF. Permezz tal-investiment li sar fl-ART clinic u s-sinerġija ma’ klinika privata, tjiebu r-riżultati. 

F’dan l-isfond, l-avvanzi fix-xjenza jippermettu li jerġgħu jitwessgħu l-kriterji, biex it-test tal-PGT-M li daħħal il-Gvern jiġi użat għal numru ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi oħra, fosthom mard rari li m’hawnx kura għalih u jista’ jwassal għal ħafna tbatija u mewt.

Konxji wkoll li l-poplu qiegħed jifhem aktar u jaċċetta r-riformi kbar li twettqu f’dawn l-aħħar snin fil-qasam mediku, li ħadd ma jista’ jiċħad li kienu ta’ benefiċċju għas-soċjetà inġenerali. 

It-trattament bl-IVF f’Malta kien wieħed minn dawn. Is-suċċessi miksuba f’dan il-qasam huma wkoll ċertifikati li pajjiżna qed ilaħħaq mal-avvanzi teknoloġiċi. Fl-aħħar mill-aħħar dan kollu huwa turija profonda li l-Gvern huwa kommess li jkompli jgħin tant koppji biex huma wkoll ikollhom ix-xorti li xi darba jsiru ġenituri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport