Illum u għada jintlagħab it-tieni leg tas-semi-finali tal-UEFA Champions League biex ikunu magħrufa iż-żewġ finalisti li se jaffrontaw lil xulxin fit-30 ta’ Mejju fil-Puskas Arena, f’Budapest, fl-Ungerija.
Fl-ewwel leg, iż-żewġ partiti ppreżentaw spettaklu iżda wkoll kienu bilanċjati u ma tkun l-ebda sorpriża li jiġu deċiżi bl-għoti tal-penalties.
Paris SG v Bayern M. – Bayern Munich jilqgħu lil Paris Saint-Germain fl-Allianz Arena, wara fl-ewwel leg il-Pariġini ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-4.
Bayern għandhom bżonn jirbħu b’vantaġġ ta’ żewġ goals biex jaqtgħu l-passaġġ tagħhom għall-finali … fejn jistgħu jserrħu fuq ir-rekord eċċellenti f’darhom, fejn ftit timijiet irnexxielhom joħorġu rebbieħa.
Element kruċjali għalihom se jkun Harry Kane, li jinsab f’forma brillanti, kif ukoll Luis Diaz u Michael Olise fil-fażi offensiva, tliet players li diġá wrew il-potenzjal tagħhom fl-ewwel leg.
Madankollu, il-Ġermaniżi għandhom problemi ta’ players li qed jirkupraw minn injury – Raphael Guerreiro (hamstring) u Serge Gnabry (muskolu fil-koxxa) filwaqt li Kim Min-jae jinsab sospiż.
Min-naħa l-oħra, PSG jinsabu konxji li l-vantaġġ ta’ goal li għandhom mhuwiex komdu.
L-attenzjoni se tkun fuq Khvicha Kvaratskhelia, li kien protagonist fl-ewwel leg, dejjem perikoluż quddiem il-lasti avversarji, tant, li kien awtur ta’ doppjetta.
Anke l-Franċiżi għandhom xi nuqqasijiet importanti hekk kif Achraf Hakimi u Lucas Chevalier jinsabu barra mill-azzjoni għax jinsabu mweġġgħin.
Bil-qawwa offensiva taż-żewġ naħat u xi nuqqasijiet fid-difiża minħabba injuries, kollox jindika li se jippreżentaw partita oħra mimlija goals u emozzjonijiet sal-aħħar minuta.
Arsenal v Altetico M. – L-ewwel leg f’Madrid spiċċa f’parità ta’ 1-1, riżultat li jagħti vantaġġ lil Arsenal minkejja ċertu frustrazzjoni wara deċiżjoni kontroversjali tal-VAR li ċaħħadhom minn dak li deher penalty ċar.
Il-Gunners għadhom bla telfa f’din il-kompetizzjoni f’dan l-istaġun u, jekk jevitaw telfa, jistabbilixxu rekord ġdid tal-club.
Fil-fatt, il-Gunners jinsabu f’forma tajba, kif uriet ir-rebħa konvinċenti ta’ 3-0 fuq Fulham fil-kampjonat nhar is-Sibt, li kompliet tikkonferma l-konsistenza tagħhom kemm domestikament kif ukoll fl-Ewropa.
Min-naħa l-oħra, Atletico Madrid qed jimmiraw li jsalvaw l-istaġun li kellhom fortuni mħallta. Minkejja li fallew jirbħu xi unur, huma reġgħu sabu l-forma fil-ħin opportun u ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq Valencia f’La Liga, anke b’rotazzjoni kbira fit-team.
Il-Gunners jibdew favoriti iżda l-Madrileni jinsabu lesti li jqumu għall-okkażjoni.


