SUMMIT GLOBALI LI GĦOLLA ISEM PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Is-Summit Globali tal-World Travel & Tourism Council (WTTC) ġie fi tmiemu nhar il-Ġimgħa li għadda, wara tlett ijiem ta’ laqgħat u diskussjonijiet li saru f’pajjiżna. Bejn is-7 u d-9 ta’ Ottubru, Malta kienet il-punt ta’ riferiment għal personalitajiet ewlenin fid-dinja tat-turiżmu, f’avveniment li poġġa lil pajjiżna fiċ-ċentru tad-diskussjoni internazzjonali dwar il-futur ta’ dan is-settur. 

Iżda issa li s-summit intemm, tajjeb li nistaqsu l-mistoqsija: x’se jkun il-frott konkret ta’ dan l-avveniment għal Malta u għall-poplu Malti? M’hemmx dubju li l-organizzazzjoni ta’ summit internazzjonali bħal dan iġġib magħha ċertu prestiġju u viżbilità. 

Il-preżenza ta’ mexxejja fl-industrija, investituri u rappreżentanti ta’ swieq internazzjonali offriet opportunità biex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali, tinħoloq aktar viżibbiltà għal pajjiżna u jiġu esplorati opportunitajiet ġodda ta’ investiment. 

Fuq kollox iżda, ir-riżultati li ħarġu minn dan is-summit huma sodisfaċenti ferm. Fosthom l-impenn ta’ bosta kumpaniji li ġew Malta li kkommettew li jwettqu f’pajjiżna investiment ta’ żewġ biljun dollaru. Dan bla dubju jħalli benefiċċji kbar fl-ekonomija ta’ pajjiżna, iżda kif innota l-Prim Ministru Robert Abela nnifsu, kull investiment li jrid jiġi, irid biss ikun ta’ ġid għall-Maltin u l-Għawdxin. Għalhekk l-enfasi trid tibqa’ tkun fuq il-kwalità tal-investiment, il-ħolqien t’opportunitajiet ta’ xogħol u l-benefiċċji konkreti għall-komunitajiet tagħna. 

Intant, is-summit offra wkoll opportunità biex jitqajmu diskussjonijiet dwar l-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali fis-settur turistiku. Dawn huma oqsma li jistgħu jgħinu lill-industrija tadatta għall-isfidi l-ġodda, ittejjeb is-servizzi tagħha u toffri esperjenzi aktar ta’ kwalità lill-viżitaturi. Għal Malta, dawn id-diskussjonijiet jistgħu jservu bħala bażi għal inizjattivi ġodda li jsaħħu l-kompetittività u l-potenzjal tat-turiżmu fis-snin li ġejjin.

Fuq kollox, Malta għandha għalfejn tkun kburija li setgħet tilqa’ avveniment ta’ din ix-xorta, li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni li tilqa’ inizjattivi ta’ livell internazzjonali u tikkontribwixxi b’mod attiv għad-diskussjonijiet dwar il-futur tat-turiżmu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport