Monday, December 9, 2024

SUPERMARKETS

Aqra wkoll

Mas-settur tal-bini, in-negozju tas-supermarkets kiber b’rata qawwija ħafna fl-aħħar snin. Donnu li mistenni jkompli jikber. Ta’ min li ssir riċerka dwar kif żviluppa. Wieħed jista’ jissuspetta li ġara wkoll dak li dejjem jiġri fl-ekonomija tagħna: malli xi ħadd jirnexxilu jiskopri idea tajba għan-negozju, l-oħrajn jikkupjawh.

Biss fil-firxa daqstant qawwija tas-supermarkets, hemm aktar minn hekk. Għalkemm supermarkets Maltin kien żviluppaw qabel, l-aqwa imbottatura ġiet bl-istabbiliment fostna ta’ “katini” Ewropej, fuq quddiem nett il-Lidl, għalkemm mhux biss. L-istess ħaġa ġrat f’pajjiżi Ewropej oħra… minn Spanja sal-Greċja sal-Ungerija…wara li daħlu membri fl-Unjoni Ewropea. Il-wasla tas-supermarkets il-kbar minn barra kienet l-ewwel u forsi l-aqwa sinjal ta’ kif is-sħubija se taffettwa l-ekonomija tal-pajjiż.

Diffiċli tgħid kemm kienu tassew pożittivi dawn il-bidliet. Hu minnu li fl-istess żmien li ġraw, seħħew ukoll bidliet fil-mod kif in-nies saru jgħixu, jaħdmu u jiddevertu. Min mar l-aktar tajjeb minn dawn il-bidliet? In-negozji Ewropej kbar bħall-Lidl? Il-familji? Is-sidien tas-supermarkets Maltin? Is-self employed iż-żgħar fil-ħwienet tagħhom?

ĦAMRIJA

Rapport li jsir regolarmanet imma li nammetti, qatt ma kkonsultajt qabel, maħruġ għas-sena 2024 mill-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent, jittratta l-qagħda tal-ħamrija fl-Ewropa. Miktub minn għadd ġmielu ta’ xjenzati, iqabbel żoni Ewropej diversi, ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea.

Bil-mod kif il-bniedem żviluppa ekonomikament u teknoloġikament, kif qed jgħix u jagħmel il-gwerer, jipproduċi l-ikel u l-oġġetti, il-ħamrija qed titlef mill-karatteristiċi tagħha li jagħmluha “f’saħħitha”. Ir-rapport jikkonkludi li mas-60 fil-mija tal-ħamrija Ewropea qed tiġi soġġetta għal taħsir sostanzjali.

F’Malta jeżistu żewġ sorsi ta’ taħsir tal-ħamrija li dwarhom ninsabu fil-quċċata tal-Unjoni Ewropea: ħamrija li tiġi “ssiġġilata” – imgħottija għal kollox, bħal b’qatran, b’tarmakk u b’bini; u sparpaljar ta’ firxiet agrikoli wiesgħa bil-bini li jidħol fihom u joħloq minnhom biċċiet iżgħar.

IL-QARI

Rapport interessanti li ġie quddiemi ddiskuta kif studenti universitarji Amerikani tal-letteratura qed isibuha diffiċli jsegwu l-korsijiet tagħhom. Dan għax huma mistennija li fl-istudji tagħhom, jaqraw numru ta’ rumanzi “ta’ stoffa”.

Issa għal dawn l-istudenti, qari hekk bilfors għandu jitqies parti naturali mill-ħidma tagħhom. Imma mhumiex kapaċi jżommu l-pass ta’ qari meħtieġ biex jibdew u jispiċċaw sal-aħħar il-kitbiet li jpoġġulhom quddiemhom. Isibuhom twal wisq, mimlija b’vokabularju li ma jagħrfux.

L-istess għalliema tagħhom jaqblu li dawn huma studenti intelliġenti u lesti jaħdmu. Ġara li fis-snin ta’ qabel daħlu l-Università, bid-drawwiet ta’ kumnikazzjoni li trawmu fihom … “social media” u x’naf jien… il-varjetajiet ta’ espressjoni li kienu familjari magħhom baqgħu limitati għal stqarrijiet qosra, sempliċi u ripettitivi. Dan fl-Istati Uniti…

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport