Thursday, December 26, 2024

Taħfirlu wara li sakkarha f’kamra ġo għalqa fl-imwarrab u fid-dlam

Aqra wkoll

Raġel tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin wara li nstab ħati li sakkar lis-sieħba tiegħu f’kamra ġo għalqa fl-imwarrab u fid-dlam u telaqha waħedha hemmhekk. 

Minn dak li ħareġ fil-Qorti, jirriżulta li r-raġel kien ukoll ħa ħsieb illi jċempel l-Għassa tal-Pulizija mhux ħafna ħin wara biex jgħarrafhom b’dak li kien għamel u biex jagħtuha l-għajnuna. 

Min-naħa tagħha, il-mara qalet li kienet qiegħda taħfer lill-imputat u talbet sabiex jieqfu l-proċeduri kontrih għaliex huwa kien għamel programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tax-xorb u r-relazzjoni tagħhom marret għall-aħjar. 

Il-Qorti semgħet kif il-każ seħħ fid-29 ta’ Diċembru 2021 u li l-kamra tal-imputat kienet tinsab fl-imwarrab fil-limiti tal-Imtaħleb u mhux faċli li wieħed isibha. Jirriżulta wkoll li l-vittma kienet ċemplet l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat fis-1.20 a.m. fejn instemgħet aġitata ħafna u infurmathom li s-sieħeb tagħha kien għadu kif sakkarha f’kamra ġo għalqa fid-dlam fl-Imtaħleb.

Sadanittant, hi kienet diġà ċemplet lil missierha fejn infurmatu b’dan kollu. Meta l-Pulizija marru fuq il-post raw illi kien hemm katnazz impoġġi mal-bieb ta’ barra. Għalkemm ma kienx imsakkar, il-bieb ma setax jinfetaħ minn ġewwa u kienu l-Pulizija li fetħu l-bieb billi ġibdu l-katnazz ‘l isfel. 

Għalkemm l-imputat ma xehedx fil-Qorti, huwa kien irrilaxxa stqarrija mal-pulizija fejn ammetta li kien sakkarha fil-kamra biex skontu jkun jista’ jaħrab minnha għax beża’ li kienet se tagħtih xi daqqa b’waħda mill-għodda tal-għalqa fil-kamra li kellu. 

Stqarr li kien għalaq il-firroll tal-bieb tal-kamra minn barra u beda jċempel lill-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat biex jgħarrafhom b’dak li kien għadu kif għamel. Dan filwaqt li bagħat ukoll messaġġ lil missieru biex jgħidlu jmur jiftħilha. 

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello rrimarkat kif il-vittma kienet tassew ġiet imsakkra fil-kamra kontra l-volontà tagħha. Dan hekk kif mix-xhieda tal-persuni li kellmuha bit-telefon meta ċemplet biex tirrapporta li kienet qafilha fil-kamra, u x-xhieda tal-persuni li marru fuq il-post biex jassistuha, jirriżulta li hija kienet imwerwra bil-fatt li kienet maqfulha waħedha fil-kamra fl-imwarrab. 

Il-Qorti qieset ukoll li r-raġunijiet mogħtija mill-imputat biex jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu – li kien qed jibża’ l-vittma taggredih u tweġġgħu – kienu pwerili u ferm fjakki għaliex ma hemm xejn fl-atti u fil-provi li juru li kienet ħebbet għalih u wisq inqas li sawtitu.

Fl-istess waqt, il-messaġġ li allegatament intbagħat mill-imputat lil missieru ma setax jingħata wisq valur għaliex ma kienx ippruvat li dan il-messaġġ tassew intbagħat lil xi ħadd, wisq inqas lil missieru. 

Il-Maġistrat Montebello saħqet li filwaqt li hu minnu li l-imputat ċempel l-għassa biex jgħarrafhom li kien sakkarha fil-kamra, dan ma jnaqqas xejn mill-prova tal-elementi kollha tar-reat u jista’ jkollu rilevanza biss għall-fini ta’ piena, bl-istess mod li l-maħfra tal-vittma f’dan il-każ tista’ biss taġevola lill-imputat fir-rigward tal-piena iżda mhux li teżawrixxi l-proċediment kriminali. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti fehmet li l-imputat mhuwiex persuna kriminali u huwa konxju tal-isfidi psikoloġiċi li għandu u l-bżonn ta’ trattament. Tant li kien għamel sforzi notevoli biex jipprova jegħleb il-vizzju tax-xorb b’riżultati pożittivi. 

Il-Qorti fehmet ukoll li f’dan il-każ, l-azzjonijiet kriminużi tiegħu setgħu wkoll kienu frott ta’ impulsività naxxenti minn instabbilità emozzjonali li wkoll l-imputat qed jindirizza b’mod attiv.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li sabitu ħati tal-akkuża li sakkar lis-sieħba tiegħu kontra l-volontà tagħha, poġġietu taħt ordni ta’ probation għal tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. 

Ekonomija

Sport