Sunday, May 3, 2026

Taħt il-lenti l-ewwel jiem tal-kampanja elettorali … …is-slogans, iż-żgħażagħ, in-narrattiva, l-entużjażmu…x’qed jiġri?

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju nhar it-Tnejn filgħaxija l-Prim Ministru ħabbar li l-pajjiż kien se jmur għal elezzjoni ġenerali s-Sibt 30 ta’ Mejju u ovvjament minn hemm bdiet il-kampanja elettorali. Immedjatament ifiġġu s-slogans tal-istess Partiti u jibdew jitħabbru l-ewwel attivitajiet. M’hemmx dubju li s-slogans huma parti importanti mill-kampanja elettorali u l-għażla tal-kliem isir b’reqqa u bi skop partikolari. Slogan ikollu l-għan li jaqbad il-qofol tal-messaġġ li l-partit ikun irid iwassal, biex jaspira u jilħaq lill-votanti. Apparti dan,  is-slogans ikollhom l-għan li  jiddistingwu lil dak il-partit mill-partiti l-oħra avversarji.  L-għan tas-slogans hu li jiġbdu l-attenzjoni. Ikun ta’ ftit kliem u qosra biex jibqgħu f’moħħ in-nies. Slogan tajjeb u effettiv iwassal biex il-pubbliku inġenerali jagħmel konnessjoni miegħu. Is-slogans politiċi huma parti vitali mill-istrateġija ta’ dik imsejħa ‘branding’ ta’ kampanja. Dan jiġbor fih il-messaġġ tal-Partit u jagħmilha aktar faċli għall-votanti biex jintrabtu mal-messaġġ. Prattikament slogan effettiv jiġbed l-attenzjoni u jibqa’ f’moħħ il-votanti. Ikun iwassal il-messaġġ ewlieni b’mod konċiż. Jispira u jagħti l-enerġija lil dawk li jappoġġjaw lil dak il-partit partikolari. 

Prattikament is-slogans ikollhom tlett xejriet: Ikunu qosra ħafna drabi są tlett kelmiet u dan biex ikun faċli li n-nies jiftakruh. Il-messaġġ ikun pożittiv għax messaġġ pożittiv jiġbed aktar lill-votanti. Ma’ dawn imbagħad hemm dak li s-slogan ikun jenfasizza l-aktar punti kruċjali tal-kampanja ta’ dak il-partit. F’kampanja elettorali fejn iż-żmien hu qasir, il-messaġġi jridu jkunu konċiżi iżda qawwijin u għalhekk is-slogans  huma kruċjali biex isawru l-perċezzjoni pubblika u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-votanti. Hu fatt li slogan politiku effettiv irid ikun qasir,  awtentiku, pożittiv u jiffoka fuq kwistjonijiet kritiċi rilevanti għall-votanti.

L-islogans…..u l-kuluri

Jekk nieħdu l-islogans u l-kuluri użati f’din il-kampanja elettorali, mill-ewwel naraw x’direzzjoni se jieħdu l-partiti u x’messaġġ qegħdin jippruvaw iwasslu. Jekk nieħdu l-islogan tal-Partit Laburista ‘“Int Malta. – Il-ħolma Tiegħek. Il-Progett Tagħna”, naraw li dan l-islogan qiegħed jindirizza b’mod individwali. Qiegħed litteralment jorbot lill-individwu mal-pajjiż.

Il-messaġġ hu ‘Int Malta’. U dan ifisser li s-suċċessi li se jkun qiegħed  jitkellem dwarhom l-istess partit u l-esponenti tiegħu, qegħdin jintrabtu mal-individwu, fis-sens li dawk is-suċċessi huma ta’ dak l-individwu ukoll.  Is-suċċessi waslu bil-kontribut tiegħek ukoll.

Hu slogan li jwassallek il-messaġġ biex tkun kburi b’pajjiżek. U allura hawnhekk qiegħed  iwassal il-messaġġ li min mar jikkritika lil Malta fi sferi barra pajjiżna, apparti li kien qiegħed jitkellem kontra l-pajjiż kien qiegħed jitkellem kontrik ukoll.  

Imbagħad hemm nies oħra li ma jħossuhomx daqshekk sodisfatti dwar kif inhu sejjer il-pajjiż minħabba raġunijiet diversi. Dan is-slogan, lil dawn qiegħed jgħidilhom intom Malta ukoll. Intom ukoll parti minn dan il-pajjiż u għalhekk tistgħu tikkontribwixxu biex ittejbu l-affarijiet. Fuq kollox hu slogan li qiegħed jgħidlek aħna flimkien niffurmaw dan il-pajjiż. Jagħti lok ta’ għaqda u unità. 

Il-kulur aħmar ‘mitfi’

Il-kulur li qiegħed juża l-Partit Laburista bħala sfond għas-slogan tiegħu hu l-kulur aħmar. Mhux il-kulur aħmar jgħajjat  li normalment nassoċċjawh mal-Partiti Soċjalisti u x-Xellug. Hu kulur aħmar pjuttost mitfi.  Aħmar mitfi hu inqas aggressiv fl-għajn. Hu l-kulur li wieħed jassoċċjah max-xellug moderat. 

Ħafna drabi meta jintuża aħmar mitli l-messaġġ li jkun qiegħed jingħata ikun dak li dak il-Partit hu xellugi iżda moderat. Tradizzjonalment, il-kulur aħmar fil-politika dejjem  kien marbut mas-Soċjaliżmu jew il-Komuniżmu.

Meta allura partit jippreżentalek il-kulur aħmar mitfi jew ċar  ġeneralment ikun qed jimplika verżjoni mnaqqsa ta’ dan – ideat li huma lejn ix-xellug iżda jibqgħu moderati. Ħafna drabi l-messaġġi minn dawk il-partiti ikun dak li dawn jappoġġjaw il-welfare u s-servizzi pubbliċi, iżda fi ħdan sistema kapitalista. Li għandu dan is-slogan hu li kemmxejn twil.

L-islogan tal-PN….kollox idur ma’ Alex Borg

Jekk nieħdu l-islogan tal-Partit Nazzjonalista u l-ewwel  xejriet tal-kampanja ta’ l-istess partit naraw li din il-kampanja se tkun iffukata fuq il-Kap Nazzjonalista. Hu l-aktar element ġdid, għax hu l-kap li nħatar proprju seba’ xhur ilu. Is-slogan ‘Nifs ġdid.

Dan hu l-mument tiegħek’, jirrifletti dan ukoll. Wara li għal xhur sħaħ rajna Partit Nazzjonalista staġnat bi kwistjonijiet interni kemm taħt Adrian Delia u anke taħt Bernard Grech, issa l-istess Partit qiegħed jagħti l-messaġġ li se tinbeda paġna ġdida fl-istess partit. Qegħdin jagħtu l-impressjoni li hemm partit magħqud u li jista’ jimxi ‘lquddiem.

Is-slogan Nazzjonalista, jirrifletti ukoll sentiment fost sezzjonijiet tal-poplu, li fi stħarriġ wara ieħor esprimew it-tħassib tagħhom dwar problemi li  jiffaċċjaw ta’ kuljum fosthom it-traffiku u l-iżvilupp mis-siti ta’ kostruzzjoni fost oħrajn. 

Il-kulur li qiegħed juża l-Partit Nazzjonalista hu dak ċelesti. Fil-passat, il-Partit Nazzjonalista kien juża l-kulur blu pjuttost jgħajjat, il-kulur marbut mal-partiti konservattivi.  Il-blu ċar jew iċ-ċelest, hu kulur li jirrappreżenta pożizzjoni moderata, liberali, jew ċentrista ta’ konservattiżmu jew liberaliżmu. Hu fatt li partiti liberali jew ċentristi: f’xi pajjiżi, jużaw il-blu ċar biex jiddistingwu lilhom infushom minn tpadizzjonijiet konservattivi qawwija. 

Il-kontroll tal-impressjoni f’din il-kampanja…’Alex Borg u Adrian Delia’

Sa mill-ewwel jiem spikkat l-ewwel ċirkostanza ta’ kontroll ta’ impressjoni. Din ġiet minn naħa Nazzjonalista. Wieħed mill-fatturi li l-Partit Nazzjonalista kien qed ikollu kritika lejha kienet il-qasma bejn il-grupp ta’ sostentituri ta’ Alex Borg u s-sostenituri ta’ Adrian Delia, iż-żewġ persuni li kkontestaw lil xulxin għat-tmexxija tal-kap u li finalment intrebħet fi ftit minn Alex Borg. Hu ċar li fil-ġimgħat u jiem li għaddew battibekki fejn is-sostenituri baqgħu għaddejjin. 

Jidher li l-Partit Nazzjonalista u l-istrateġisti tiegħu trattaw dan u dan billi fil-kampanja, mingħajr ma wieħed ikun jistenna u waqt attivitajiet li jseħħu iġibu liż-żewġ kontestanti jitgħannqu flimkien.  

Dan hu dak li fil-psikoloġija jissajjaħ ‘kontroll ta’ impressjoni’, jiġifieri fejn tinħoloq ċirkostanza fejn wieħed jipprova jinfluwenza  l-perċezzjoni li jkollhom ċertu nies jew gruppi ta’ nies fuq persuni.  L-immaġini ta’ Alex Borg u Adrian Delia jidhru jitgħannqu u wieħed jgħolli idejn l-ieħor, xi ħaġa li fl-ewwel jiem rajna diversi drabi, hu proprju eżerċizzju intiż biex tiġi kkontrollata l-perċezzjoni ta’ firda u l-għan li jġiegħlek temmen li dik il-firda issa hi xi ħaġa tal-passat.

‘Iċ-Cherry Picking’…dwar il-barranin, it-tensjoni internazzjonali…u l-kwalità tal-għixien

F’din il-kampanja ma jonqosx iċ-‘Cherry Picking’. Qegħdin nitkellmu fuq messaġġi marbutin ma’ għażla selettiva ta’ fatti. Dan hu dak ta’ fejn titpoġġa narrattiva partikolari biex tappoġġja argument jew argumenti partikolari filwaqt li tinjora fatti oħra u studji  li jkunu qegħdin jagħtu  dettalji addizzjonali importanti. Din toħloq preġudizzji f’xi każi. Din qegħdin narawha f’din il-kampanja.

Per eżempju in-naħa Nazzjanalista rajnih titkellem fuq il-barranin. Fuq popolazzjoni esaġerata. Inħolqot narrattiva dwar dan. Inħolqot narrattiva simili għax anki hemm barra hemm nies li jitkellmu b’dan il-mod selettiv. Fl-argument Nazzjonalist imma imbagħad ma nisimgħu xejn fuq il-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’għadd ta’ setturi f’pajjiżna.

Faċli titkellem fuq ħafna ħaddiema barranin kif qiegħed isir minn naħa Nazzjonalista. Imma mbagħad ma tistax tħalli barra u tinjora  kwistjonijiet bħal min se jaħdem fl-isptarijiet tagħna jew ma jiġux ħaddiema barranin? Min se jiġbor l-iskart? Min se jservi fil-kafeteriji? Min se jservi fir-ristoranti? Min se jaħdem fid-djar tal-anzjani? Min se jaħdem bħala ‘carer’? Min se jwasslilna l-ikel li nordnaw? Min se jaħdem fil-kostruzzjoni? Min se jwasslek bit-trasport pubbliku?

Minn naħa Laburista qegħdin naraw sitwazzjoni simili fejn jidħol il-qasam internazzjonali, għalkemm anki hawn il-Partit Nazzjonalista jidher li qed jinjora dan l-aspett. Malta ma’ tgħix ġo bozza. Malta hi parti mid-dinja. Dak li jiġri eluf ta’ kilometri bogħod jaffettwana f’temp qasir.

Qegħdin f’kampanja elettorali bil-partiti jitkellmu fuq il-viżjoni tagħhom u xi jridu jwettqu, imma l-qasam internazzjonali jidher li hu assenti, għallinqas hekk deher f’dawn l-ewwel jiem tal-kampanja. Minn dak li intqal u ġie muri, id-domanda li toħroġ hi kemm qegħdin nagħtu kas is-sitwazzjoni internazzjonali?  Kif din se taffettwana jekk il-kunflitti ikomplu jitwalu.

Kif se nintlaqtu f’dik li hi inflazzjoni?  Jekk il-kunflitt jitwal se jkun hemm bżonn sagrifiċċji? Wieħed jifhem li hi narrattiva negattiva u forsi ma tinżilx tajjeb f’kampanja elettorali, imma hu xenarju li hu reali u qiegħed magħna, għalkemm twarrab minn narrattiva elettorali.

Dak injorat….razziżmu…kwistjonijiet soċjali

Sa mill-ewwel jiem ta’ din il-kampanja, rajna kwistjonijiet li litteralment jinsabu taħt it-tapit. Kienu hekk qabel il-kampanja elettorali u mhux mistenni li dawn il-kwistjonijiet jitqajmu. Ewlenin fost dawn hemm ir-razziżmu u kwistjonijiet soċjali.  

Dan iseħħ għax ħafna drabi il-kampanji elettorali jinbnew madwar dak li l-partiti jemmnu li se jrebbaħhom l-akbar ammont ta’ voti. Suġġetti bħall-għoli tal-ħajja, l-impjiegi, u t-tnaqqis fit-taxxi huma meqjusa bħala siguri u attrajenti b’mod ġenerali, filwaqt li r-razziżmu jista’ jiġi ttrattat bħala diviżiv jew skomdu.  Mhux hekk biss iżda dawn huma suġġetti jaħarqu u faċilment joħolqulek kontroversji sħaħ u b’hekk jispiċċaw jaljenaw lill-poplu minn fuq kwistjonijiet oħra li jistgħu jrebbħuhom il-voti. Minħabba dan, jispiċċaw jiġu injorati.

Wieħed irid iżomm f’moħħu li f’kampanja elettorali, id-dinamika tkun ibbażata fuq messaġġi sempliċi, xi ħaġa li mhux dejjem hi faċli li ssir f’suġġetti bħar-razziżmu jew kwistjonijiet soċjali. 

Apparti dan ir-razziżmu u kwistjonijiet soċjali jistgħu jitqiesu bħala riskju politiku. Dan għax li wieħed jirrikonoxxi r-razziżmu ifisser li trid tindirizzah u dan ikun ifisser  li trid tirrikonoxxi l-problemi istituzzjonali jew il-proposta ta’ riformi li jiffaċċjaw reazzjoni negattiva.

Dan jgħodd anke għal kwistjonijiet soċjali kumplessi. Ir-raġunament ta’ min iħejji l-kampanji  hu li kwistjonijiet li x’aktarx li jispiċċaw polarizzati aktar milli iservu biex jipperswadu, għandhom ikunu minimizzati.. 

Kampanja bi ġlieda għal vot ta’ 80,000 votant reġistrat li qegħdin jgħidu ma jridux jivvutaw

F’din il-kampanja, u dan ilna narawh issa għal diversi xhur, il-ġlieda hi biex jiġu akkwistati l-voti ta’ dawk li qegħdin jgħidu li huma disinteressati. Dawk li sa issa qegħdin jgħidu li se jastjenu. Hu fatt li normalment f’elezzjoni ġenerali, dan in-numru jonqos u ħafna jispiċċaw joħorġu jivvutaw. Għal din l-elezzjoni qegħdin jissemmew l-ammont ta’ 80,000 votant u xi ftit aktar li sa issa qegħdin jgħidu li mhux se jivvutaw. 

Sa issa attivitajiet neqsin mill-entużjażmu tal-passat… il-bandiera Maltija dehret fit li xejn…żgħażagħ fejn huma?

Minn l-ewwel attivitajiet li segwejna taż-żewġ partiti ewlenin, jidhru biċ-ċar ċertu xejriet. Jinħass ħafna n-nuqqas ta’ entużjażmu tal-passat.  Din hi t-tmien elezzjoni li qiegħed insegwi. Bla dubju ta’ xejn minn dak li rajna sa issa hi kampanja elettorali li sa issa qiegħda turi l-inqas entużjażmu fost in-nies. Wieħed jistenna li dan l-entużjażmu jiżdied kif jibdew il-mass meetings. 

Mistoqsija li trid issir hi fejn huma iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti. Sa issa mill-attivitajiet li seħħew il-preżenza taż-żgħażagħ wieħed ma jistax jgħid li kienet qawwija ħafna. Fil-passat kienet issir enfasi dwar il-preżenza taż-żgħażagħ fl-attivitajiet politiċi, li ħafna drabi kienu jimballaw il-postijiet ta’ quddiem. 

L-istess għall-bandiera Maltija, donnha sparixxiet mill-attivitajiet. Fil-passat kienet issir enfasi fuqha u konna narawha tperper fl-attivitajiet taż-żewġ partiti.  

Fejn jidħol l-entużjażmu wieħed jista’ jgħid li dan jinħass ħafna aktar fin-naħa Laburista, fejn anke l-attivitajiet ġibdu lejhom folol numerużi. L-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista, jinħass li għandhom inqas entużjażmu u inqas preżenza. Wieħed jifhem li għadna fil-bidu ta’ kampanja u għalhekk irridu naraw x’se jiġri matul il-jiem li ġejjin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport