Wieħed mill-aktar fenomeni perikolużi li ħafna jqisu li jista’ jwassal għal gwerra dinjija oħra hu dak li kunflitt lokali jaqbad u jinfirex b’mod qawwi ħafna u bla kontroll. X’jiġri f’xi ħaġa simili?
Ikollok il-midja, u konsegwentement l-opinjoni pubblika, li jispiċċaw jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuqu, u jittraskuraw dak li qed jiġri f’kunflitti oħra. Dan il-fenomenu perikoluż, minn naħa waħda, jonqos milli jara l-fenomenu fl-intier tiegħu, iżda jwassal għal fokus fuq kunflitt wieħed u, fuq kollox, għandu t-tendenza li jissottovaluta l-importanza ta’ episodji oħra, liema episodji fir-realtà huma dawk li jħejju l-eskalazzjoni li jmiss.
X’ġara fl-aħħar ftit ġimgħat.? Faqqa’ l-kunflitt fil-Golf Għarbi. L-attenzjoni intefgħet fuq dan il-kunflitt. Dan anke għax rajna pajjiżi li dejjem qisnihom bħala siguri bħall-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda, jiġu attakkati u allura naturali l-attenzjoni tiffoka hemm. Dan wassal biex twarrab il-kunflitt qalil fl-Ukrajna. Hemm min għandu interesse li fil-mument ma jissemmiex għax rizultati konkreti ma nkisbux. Minkejja li waqa’ skiet u silenzju, dan il-kunflitt baqa’ għaddej. U hu fatt li aktar mhu se jtul dan il-kunflitt, aktar hemm riskju li dan il-kunflitt jeskala b’mod qawwi b’mod partikolari bil-parteċipazzjoni ta’ Stati oħra.
Qegħdin ngħidu dan, għax hu fatt li aktar ma’ jgħaddi imkien aktar tiżdied il-pressjoni fuq l-Ukrajna, kemm finanzjarjament u anke militarment. Minkejja dan, l-Ukrajna, qiegħda tibqa’ ssib għajnuna bla kundizzjoni mill-Unjoni Ewropea. Pajjiżi Ewropej qegħdin jgħinu militarment u l-Unjoni Ewropeq tat u se tkompli tagħti flejjes kbar mit-taxxi taċ-ċittadini Ewropej. Dan qiegħed isir biex l-Ukrajna tkompli tiġġieled u tirreżisti fil-kunflitt.
Ejja ngħiduha kif inhi, l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea saru parti mill-front Ukren, u llum hu fatt li huma parteċipanti f’dan il-kunflitt. Dan issa qegħdin isostnuh b’mod apert in-naħa Russa. Il-mistoqsijiet li kienu qegħdin isiru xhur ilu b’mod partikolari fil-bidu tal-kunflitt, kienu dawk għaliex l-Unjoni Ewropea li twaqqfet biex ma jsirux aktar gwerer fl-Ewropa daħlet f’dan il-kunflitt billi kienet qiegħda tgħin finanzjarjament u militarment? Mistoqsija oħra kienet kemm tiflaħ l-Unjoni Ewropea ssostni dan il-kunflitt? Fuq kollox għaliex dan l-interess biex jittawwal il-kunflitt?
Aktar m’għaddew ix-xhur, bdejna naraw li l-kunflitt spiċċa staġnat. La naħa u lanqas oħra ma kien qiegħed jirnexxielhom javvanzaw. Evidenti l-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-Ukrajna u għal dan l-Unjoni Ewropea, sa riċentament stess baqgħet tippompja finanzjarjament.
Is-sitwazzjoni bdejna narawha tinbidel ftit tax-xhur ilu b’messaġġi ċari mit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea, li bdew jgħidulna li rridu nippreparaw għal gwerra. Bdew jgħaddu messaġġi kontinwi fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tissaħħaħ militarment b’mod qawwi u anke b’ċertu għaġġla. Bdew jgħidulna għal xi żmien anke fuq il-bżonn li wieħed ikollu ħażna ta’ ikel. Bdejna naraw anke sejħiet minn pajjiżi Ewropej biex iżidu l-ammont ta’ suldati tagħhom.
Kellna n-naħa Russa, li ddikjarat diversi drabi pubblikament li m’għandha l-ebda intenzjoni li tattakka l-Ewropa u l-argument tagħha dejjem kien iż-żoni tal-lvant tal-Ukrajna u l-preżenza tan-NATO fl-Ukrajna.
Minkejja dan, ir-retorika fl-Unjoni Ewropea baqgħet l-istess. Anżi l-battibekki żdiedu u ħadu xejna ta’ tensjoni. Fost dawn kien hemm il-każ bejn l-Ingilterra u r-Russja dwar sottomarini f’ibħra qrib ir-Renju Unit u l-każ fejn tanker Russu li kien qiegħed iġorr iż-żejt inqabad mill-Franċiżi minħabba li ġie akkużat bi ksur tas-sanzjonijiet kontra ir-Russja.
Difiża komuni…..jibdew jiddiskutu
U issa, isir pass ieħor. Kien ilu jitqajjem imma issa ittieħed pass deċiżiv dwaru. Dan hu dak li jinvolvi id-diskussjonijiet dwar l-artiklu ta’ difiża komuni, liema artiklu rarament ġie attivat. Dan l-artiklu jinsab fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea.
Illum l-Istati Ewropej qegħdin jaqblu li dan l-artiklu għandha ssir diskussjoni dwaru u ħidma biex wieħed jara kif dan jista’ tiġi użat fil-prattika u taħt liema ċirkostanzi. B’differenza mill-patt ta’ difiża kollettiva tal-Artikolu 5 tan-NATO, l-Artikolu 42.7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea mhuwiex appoġġjat minn pjanijiet operattivi dettaljati jew strutturi militari.”
Jidher li issa kull pajjiż Ewropew fassal il-pożizzjoni tiegħu kif din il-klawsola fit-Trattat, li rarament intużat u li hi dwar assistenza u difiża reċiproka u kif din se tkun qiegħda titħaddem f’każ li Stat membru ikun vittma ta’ attakk jew aggressjoni militari.” Dan l-artiklu intuża darba meta Franza kienet attakkata fis-sena 2015 b’attakki terroristiċi.
Il-pożizzjoni issa hi li l-Kummissjoni Ewropea se tħejji pjani dwar kif l-Unjoni Ewropea għandha tirrispondi f’każ li Stat membru jattiva l-artikola ta’ difiża komuni, li hu l-Artikolu 42.7. Għal xi pajjiżi, dan jista’ jifforma l-ewwel struttura sinifikanti tagħhom biex jiggarantixxu dan it-tip ta’ assistenza reċiproka.
L-Artikolu 42.7 jgħid li jekk Stat membru jkun vittma ta’ aggressjoni armata fit-territorju tiegħu, membri oħra huma obbligati li jgħinuh safejn ikunu jistgħu jipprovdu għajnuna. L-Unjoni Ewropea tgħid li l-assistenza tista’ tvarja minn appoġġ diplomatiku u assistenza teknika u medika għal għajnuna ċivili jew militari.
Allura l-mistoqsija toħroġ waħedha. X’inhu l-interess tal-Unjoni Ewropea f’dan il-kunflitt? Għaliex qiegħda tagħmel minn kollox biex dan il-kunflitt ikompli jitwal? Riedet skuża biex tibda’ tarma lilha nfisha? Qiegħda tara opportunità ekonomika? Qiegħda tara interess ekonomiku bi żvilupp u manifattura ta’ armi?
Manifattura ċivili….tinqaleb
għal manifattura militari
Hu fatt li waħda mir-raġunijiet li qiegħda tixpruna dan il-kunflitt biex jitwal minn naħa tal-Unjoni Ewropea hu l-interess ekonomiku marbut ma’ żieda fil-produzzjoni tal-armi. Hu fatt li diversi pajjiżi, bidlu l-istrateġija tagħha u manifattura ċivili bdiet tinqaleb gtħal manifattura militari. Illum hu fatt u dan hu kkonfermat minn riċerka li saret dwar infieq militari, li dan l-infieq żdied. Filfatt matul is-sena 2025 laħaq rekord ta’ $2.89 triljun. L-infiq militari globali żdied għal rekord ta’ $2.887 triljun fl-2025, u immarka l-11-il żieda annwali konsekuttiva, hekk kif l-infiq żdied madwar l-Ewropa u l-Asja minkejja tnaqqis fl-Istati Uniti. L-Istati Uniti jibqgħu bl-akbar infiq militari fid-dinja b’$954 biljun, minkejja tnaqqis ta’ 7.5 fil-mija. It-tnaqqis kien primarjament marbut man-nuqqas ta’ pakketti ta’ għajnuna militari approvati ġodda għall-Ukrajna matul l-2025.
Mill-banda l-oħra, l-infiq militari fl-Ewropa żdied b’14 fil-mija għal $864 biljun, u b’hekk sar l-akbar kontributur għat-tkabbir globali. Hu stabiliti li ż-żieda fl-ispiża militari hi marbuta mal-gwerra fl-Ukrajna u sforzi usa ta’ riarmament fost il-membri Ewropej tan-NATO. Id-29 membru Ewropew tan-NATO nefqu flimkien $559 biljun fis-sena 2025, b’22 nazzjon jallokaw mill-inqas 2 fil-mija tal-PDG għad-difiża. Il-Ġermanja saret il-pajjiż bl-akbar nefqa militari fil-grupp wara li żiedet l-infiq b’24 fil-mija għal $114-il biljun.
L-infieq militari fis-sena 2025 mill-membri Ewropej tan-NATO żdied aktar malajr milli fi kwalunkwe żmien mis-sena 1953 ‘lhawn, u dan jirrifletti t-tfittxija kontinwa tal-awtosuffiċjenza Ewropea flimkien ma’ pressjoni dejjem akbar mill-Istati Uniti biex tissaħħaħ il-qsim tal-piżijiet fi ħdan l-alleanza.
Li qiegħed jiġri fis-skiet u bogħod min għajnejn kulħadd, hu dak li qegħdin naraw bidliet kbar fil-manifattura ċivili, fejn din issa qiegħda taqleb bil-mod il-mod lejn manifattura militari. Dan jidher sew fil-Ġermanja, li qed tittrasforma s-settur importanti tagħha tal-manifattura tal-karozzi f’manifattur tal-armi. Dan il-pass qiegħed jgħolli s-settur tad-difiża u qiegħda iġibu issa bħala wieħed mill-pedamenti l-ġodda tal-ekonomija Ġermaniża.
Il-Ġermanja ħadet dan il-pass, għax rat li l-industrija tal-manifattura tal-karozzi kienet sejra lura u qiegħda tagħmel tajjeb għal dan billi l-manifattura tinqaleb għal dik militari.
Illum għandek industriji fil-Ġermanja, li kienu involuti fil-manifattura tal-karozzi u dawn illum qegħdin jaqilbu bil-mod lejn il-manifattura ta’ magni tad-drones, sistemi abbord għal vetturi armati, u komponenti għall-avjazzjoni militari. Hu rapportat li hemm kumpaniji fil-Ġermanja li żiedu x-xiftijiet biex jipproduċu armi u munizzjon għall-Ukrajna.
Meta naraw dan, toħroġ osservazzjoni naturali. Il-Ġermanja u magħha pajjiżi oħra qegħdin jagħmlu din il-bidla għax huma aktar minn konvinti li l-kunflitt se jkompli jitwal. Nazzardaw ngħidu li huma konvinti li kunflitt dirett bejn l-Unjoni Ewropea u n-NATO fuq naħa u r-Russja fuq naħa oħra, hu inevitabbli.
Il-fattur inkwetanti ta’ ‘alleanze Ewropej’
Hemm fattur ieħor li qiegħed ukoll jipponta u jagħti indikazzjoni ċara li diversi pajjiżi qegħdin iħarsu lejn konfront lejn ir-Russja. Dan hu dak ta’ l-alleanzi bejn Stati Ewropej li saru fl-aħħar snin.
Wieħed jista’ jgħid li wieħed mill-ewwel passi seħħ proprju sitt snin ilu bl-iffimar tat-Trattat beja Franza u l-Ġermanja, liema trattat ġie ffirmat f’Aachen fis-sena 2019. Dak il-ftehim li kien qajjem tħassib fost ħafna kien jitkellem fuq kooperazzjoni militari msaħħa bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-mistoqsija dejjem kienet tkun dik ta’ x’kien hemm bżonn trattat simili jekk għandek Unjoni Ewropea ibbażata u mwaqqfa fuq il-paċi u s-solidarjetà.
Dan it-trattat ma kienx uniku għax imbagħad Franza għamlet trattat mal-Polonja. Dan hu magħruf bħala it-Trattat ta’ Nancy. Dan it-trattat jitkellem fuq assistenza reċiproka f’każ ta’ attakk kif ukoll kooperazzjoni nukleari mill-qrib. Proprju imbagħad ftit xhur ilu, kellna l-famuża “Dikjarazzjoni ta’ Northwood”. Hemm hekk ir-Renju Unit u Franza għall-ewwel darba ftehmu fuq il-koordinazzjoni tal-forzi nukleari taż-żewġ pajjiżi.
Dawn it-trattati u ftehim juru ħaġa waħda. Dak li tfaċċa netwerk ta’ trattati bejn il-pajjiżi Ewropej, li qed iwassal għall-estensjoni tal-umbrella militari u nukleari Franċiża u Brittanika għall-Ewropa kollha. Bħala evidenza ta’ dan, ta’ min jinnota li f’Ottubru 2024, il-ministri tad-difiża tal-Ġermanja u r-Renju Unit qablu dwar kooperazzjoni militari Ġermaniża-Brittanika u dan kien ljinkludi wkoll kwistjonijiet nukleari. M’hemmx dubju li din l-attività diplomatika u militari kollha għandha titqies bħala li diretta kontra r-Russja, minħabba l-kunflitt attwali bejn ir-Russja u l-pajjiżi Ewropej. Ta’ min jinnota wkoll li l-Ewropa qed tidħol f’fażi fejn is-sigurtà m’għadhiex garantita mill-Istati Uniti, u għalhekk l-Ewropa spiċċat ġiet imġiegħla tirristruttura malajr il-mudell tad-difiża tagħha.
Ma’ dan imbagħad proprju fil-5 ta’ Marzu kellna sinjal ieħor negattiv. Dakinhar il-Gvern tal-Finlandja ppubblika abbozzi ta’ emendi għall-Att dwar l-Enerġija Nukleari u l-Kodiċi Kriminali li jippermettu li armi nukleari jiddaħħlu jew jiġu maħżuna fuq art Finlandiża. Dan qiegħed iqajjem tħassib kbir u dan kemm minħabba il-fruntiera twila bejn ir-Russja u l-Finlandja kif ukoll id-distanza qasira lejn Murmansk, il-belt li fiha hi bbażata l-Flotta tat-Tramuntana Russa u, fuq kollox, San Pietruburgu, it-tieni l-akbar belt tar-Russja, li tinsab inqas minn 200 kilometru bogħod mill-fruntiera Finlandiża.
Il-kunflitt fl-Ukrajna…ġab pajjiżi Ewropej
ċentri ta’ produzzjoni ta’ drones
Aspett iehor hu dak li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, li imbagħad żvolġiet f’kunflitt fejn jispikkaw attakk b drones, wasslet biex pajjiżi Ewropej spiċċaw ċentri ta’ produzzjoni ta’ drones. Rajna kif matul l-aħħar żjara Ewropea tiegħu, Zelensky iffirma ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi bħall-Italja, il-Ġermanja, Franza, u r-Renju Unit għall-produzzjoni konġunta ta’ drones. Barra minn hekk, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu nnifsu ppubblika lista komprensiva tal-kumpaniji Ewropej kollha li jipproduċu komponenti għal drones Ukreni: minbarra erba’ kumpaniji Taljani, hemm kumpaniji Brittaniċi (Fire Point u Horizon Tech), Ġermaniżi (Davinci Avia u Airlogistica), Daniżi (Kort), Latvja (Terminal Autonomy), Olandiżi (Destinus), Pollakki (Antonov State Enterprise u Ukrspecsystems), u Ċeki (DeViRo). Dan l-isforz huwa ħafna aktar minn sempliċi ftehim kummerċjali għax jippermetti lil Kiev tikseb drones jew partijiet minnhom, filwaqt li tipproteġi l-produzzjoni minn attakki Russi possibbli. Mhix koinċidenza li r-Russi qed jitkellmu dwar konsegwenzi potenzjali ta’ dan it-tip ta’ għajnuna għall-isforz tal-gwerra Ukren, li huwa ffukat fuq il-produzzjoni ta’ waħda mill-aktar sistemi ta’ armi innovattivi u perikolużi tal-gwerra kollha.
Ta’ min jinnota wkoll li l-Unjoni Ewropea allokat aktar minn biljun ewro għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ drones fl-Ewropa u biex tibni katina ta’ produzzjoni sostanzjalment kompluta. Meta wieħed iħares aktar mill-qrib, din hija direzzjoni ta’ politika industrijali li ma tistax ma tqajjimx tħassib. Id-domanda li toħroġ hi sempliċi, dawn id-drones kollha fejn se jintużaw f’każ li jieqaf il-kunflitt fl-Ukrajna? Żgur li l-produzzjoni ta’ dawn l-ammont ta’ drones mhix kompatibbli mal-użu normali fi żmien ta’ paċi.
L-UE tkompli bil-pressjoni fuq ir-Russja
aktar sanzjonijiet
Proprju fl-aħħar jiem rajna l-pajjiżi Ewropej jiftehmu kif se jgħinu finanzjarjament lill-Ukrajna. Ma’ dan l-Unjoni Ewropea kompliet tagħmel pressjoni fuq ir-Russja billi żżid il-miżuri restrittivi unilaterali. L-aħħar 20 pakkett ta’ sanzjonijiet ġie approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu, iddeskriva din il-mossa minn Brussell bħala li tikser bil-kbir il-liġi internazzjonali.
Ir-Russja wieġbet għal dawn is-sanzjonijiet. F’komunikat li nħareġ mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu intqal li “bi tweġiba għad-deċiżjonijiet illegali tal-UE, in-naħa Russa espandiet b’mod sinifikanti l-lista ta’ rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-istati membri tal-UE, u numru ta’ pajjiżi Ewropej li jallinjaw ruħhom mal-politika anti-Russja ta’ Brussell li huma miċħuda milli jidħlu fil-Federazzjoni Russa. Il-lista tinkludi rappreżentanti ta’ entitajiet tal-UE, stati membri tal-UE, u numru ta’ pajjiżi Ewropej oħra involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-provvista ta’ assistenza militari lill-Ukrajna; involuti f’attivitajiet imfassla biex idgħajfu l-integrità territorjali tal-Federazzjoni Russa; responsabbli għall-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet anti-Russi; li jikkawżaw ħsara lir-relazzjonijiet tar-Russja ma’ pajjiżi terzi; li joħolqu ostakli għan-navigazzjoni marittima fl-interessi Russi; involuti fil-persekuzzjoni ta’ uffiċjali Russi taħt pretesti esaġerati; parteċipanti fit-twaqqif ta’ “tribunal” kontra t-tmexxija Russa; jew favur il-qbid illegali ta’ assi sovrani Russi jew l-użu ta’ qligħ kapitali derivat minnhom. Ġew imposti wkoll miżuri restrittivi fuq mexxejja tas-soċjetà ċivili u membri tal-komunità akkademika ta’ pajjiżi Ewropej li jaderixxu ma’ pożizzjonijiet li huma ostili lejn ir-Russja, kif ukoll fuq deputati tal-Parlamenti nazzjonali tal-Istati membri tal-UE u l-Parlament Ewropew li vvutaw favur riżoluzzjonijiet u abbozzi ta’ liġijiet kontra r-Russja.”
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu iddikjara ukoll li “l-politika distruttiva ta’ Brussell mhix kapaċi tinfluwenza l-politika barranija tar-Russja. Ir-Russja kienet u tibqa’ impenjata li tiddefendi l-interessi nazzjonali tagħha, tiżgura d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tagħha, u tikkontribwixxi b’mod konsistenti għall-formazzjoni ta’ ordni dinji”.


