L-għeruq taċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem f’Malta jmorru lura għal mitt sena ilu. Kien il-Partit Laburista li ġabar madwaru lill-ħaddiema biex jiċċelebraw il-jum tagħhom. F’Malta ta’ mitt sena ilu, dan xejn ma kien pass faċli.
Il-ftit attivisti Laburisti li emmnu li l-ħaddiema Maltin kellhom huma wkoll bħall-ħaddiema oħra mad- war id-dinja jfakkru l-jum iddedikat lilhom, sabu kontra tagħhom mhux biss lill-forzi konservattivi bħall-Knisja u l-Partit Nazzjonalista, iżda sabu wkoll lil uħud minn sħabhom stess fil-Partit Laburista li għall-bidu ma fehmux għal xiex kellu jittieħed pass li għal dak iż-żmien kien meqjus bħala riskjuż ħafna.
L-isfond ta’ dan kollu huma s-snin għoxrin tas-se- klu li għadda. Snin fejn minn naħa l-Maltin kienu għadhom kif akkwistaw drittijiet politiċi ġodda iżda fl-istess ħin eluf ta’ familji kienu għadhom qed iħabbtu wiċċhom mal-problemi qodma tal-għaks, il-ġuħ u l-faqar li kienu ħabbtu wiċċhom magħhom missirijiethom u ommijiethom.
Is-snin għoxrin kienu wkoll is-snin fejn il-Komunisti ħadu f’idejhom it-tmexxija tar-Russja u d-dinja sabet ma’ wiċċha dik li bdiet tissejjaħ bħala t-theddida ħamra. Fis-snin immedjati ta’ wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, kienu ħafna l-pajjiżi fejn fost ħafna taqlib kbir, il-ħaddiema bdew jaraw fil-Komuniżmu tama għal ħajja aħjar.
1920
Il-Belt Valletta. 15 ta’ Ottubru 1920. Fl-uffiċċju tan-nutar Pawlu Carbonaro fi Pjazza Reġina, 12-il membru tal-Workers Union Branch No 3, union li kienet twaqqfet ftit żmien qabel minn Mat- thew Giles, trejdunjonista Ingliż, qablu li joħorġu ħamsa u għoxrin lira kull wieħed. B’dan il-pass twaqqfet il- Camera del Lavoro jew il-Partit tal-Ħaddiema, illum il-Partit Laburista bil-mira ċara li jġib ’il quddiem l-istat ekonomiku u soċjali tan-nies tax-xogħol kollha kemm huma.
Il-Partit tal-Ħaddiema minnufih stqarr kien lest li jimxi fuq it-tagħlim tal-enċiklika tal-Papa Ljun Tlettax, Rerum Novarum ippublikata lejn tmiem is-seklu dsatax. Ir-Rerum Novarum tgħid fost oħrajn li r-rwol tal-Istat huwa dak li jippromwovi l-ġustizzja soċjali waqt li l-Knisja għandha d-dmir li tara li tirrenja l-armonija soċjali u mhux il-kunflitt bejn il-klassijiet soċjali.
F’Malta tas-sena 1920, il-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin kienu mill-iktar diffiċli. Minkejja dan iżda, id-destin ta’ eluf kien dak li ma joħorġux miċ-ċirku vizzjuż ta’ faqar u injoranza li kienu fih. Għal snin sħaħ is-soluzzjoni offruta għall-inġustizzji soċjali kbar li kien hawn f’pajjiżna kienet il-ka- rita. Ħadd ma kien jitkellem u wisq inqas jaħdem biex jinkisbu kundizzjonijiet ta’ xogħol u t’għajxien aħjar.
Meta tfaċċa Manwel Di- mech li għall-ewwel darba tkellem dwar paga minima, dwar ġurnata tax-xogħol ta’ tmien sigħat, dwar djar għall-ħaddiema, dwar li n-nisa jkollhom l-istess drittijiet daqs l-irġiel u dwar il-poplu Malti bħala poplu ħieles u indipendenti, b’Malta bid-destin tagħha f’idejha, qamu l-irwiefen kollha. Bl-Ingliżi u l-Knisja kontra tiegħu Dimech safa eżiljat.
Rerum Novarum
Mat-twaqqif tiegħu fl- 1920 il-Partit tal-Ħaddiema fehem li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex iċ-ċirku vizzjuż ta’ faqar u injoranza jiġi mfar- rak darba għal dejjem. Beda jitkellem favur il-ħtieġa ta’ ġlieda kontra l-illiteriżmu, favur edukazzjoni obbligatorja, favur it-tagħlim tas-snajja u favur il-bini ta’ skejjel ġodda. Fl-istess ħin ried li jidħlu liġijiet li jieħdu ħsieb lill-ħaddie- ma waqt il-korrimenti fuq ix-xogħol, dwar pensjonijiet għal dawk li minħabba l-età ma setgħux jibqgħu jaħdmu u liġi li tirregola t-tlugħ u l-inżul tal-kera.
L-Isqof Mauro Caruana mill-ewwel wera tħassib dwar dan ix-xogħol politiku u talab lill-Arċisqof ta’ Westminster, biex jibgħat persuna f’Malta biex jikkumbatti dawk li ssejjħu bħala tendenzi Soċ- jalisti. Wasal f’Malta l-Patri Ġiżwita Charles Plater illi indirizza numru ta’ konferenzi għall-ħaddiema li matulhom spjega t-tagħlim tar-Rerum Novarum.
Madankollu inċident li seħħ f’April 1921 waqt kon- ferenza fil-każin tal-banda De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ kien għoddu wassal biex il-Partit tal-Ħaddiema jisfaxxa f’qasir żmien. Wieħed mit-tnax-il fundaturi, Mikielang Borg, tkellem f’din il-konferenza dwar il-ħtieġa li jkun hemm fidwa tal-ħaddiema Maltin u semma kif ħaddiema f’pajjiżi oħra meta refgħu rashom u wrew snienhom, dawk li qabel kienu qed jerdgħulhom demmhom kellhom jistmawhom kif jixirqilhom.
L-Isqof Caruana ħass li f’isem il-Knisja kellu jirreaġixxi. F’ċirkolari qal illi l-espressjonijiet użati f’Ħaż-Żebbug kienu qed jintużaw minn l-agħar nies fost is-Soċjalisti u li kienu jwasslu għall-mibegħda bejn il-bniedem u jġibu rivoluzz- joni, demm u rewwixti u li lilu ħolqulu dulur. Fl-1921 ċirkolari bħal din tant kellha saħħa, li fi ħdan il-Partit tal-Ħaddiema bdiet tkun ikkunsidrata l-possibilità li l-istess partit ikun xolt. Wara diskussjoni twila iżda kien deċiż li minflok tintbagħat ittra ta’ spjegazzjoni lill-Isqof. Il-Partit tal-Ħaddiema reġa’ intrabat li kien lest jimxi biss fuq l-Enċiklika tal-Knisja Rerum Novarum.
Fl-Isla
1925. Il-Partit tal-Ħaddiema jibda għaddej minn fażi ta’ tiġdid organizzativ u ideoloġiku.
Twaqqfu numru ta’ Kumi- tati Distrettwali, li ngħataw is-saħħa u li fost oħrajn kienu jgħinu ħaddiema li jingħataw is-sensja jew li kienu jkunu mhedda li jitkeċċew mid-dar jekk ma jħallsux il-kera. Fit-tmexxija tal-Partit daħal ukoll element żagħżugħ, progressiv u Soċjalista b’nies bħal Gużè Orlando u Gino Muscat Azzopardi.
Is-sena wara l-1926 ti- bqa’ magħrufa l-iktar għall-pass kuraġġuż li ha l-Partit tal-Ħaddiema meta fl-Isla ċċelebra għall-ewwel darba l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem.
L-1 ta’ Mejju ntgħażel bħala l-Jum Internazzjonali tal-Ħaddiema biex jitfakkar il-massakru li ġara fl-1886 f’Chicago fl-Istati Uniti. F’dik is-sena f’din il-belt Amerikana fl-1 ta’ Mejju kien hemm strajk ġenerali favur ġurnata tax-xogħol ta’ tmien sigħat. Fl-4 ta’ Mejju nqala’ l-inkwiet bil-pulizija jisparaw fuq il-ħaddiema. Seba’ uffiċjali tal-pulizija u tmienja u tle- tin persuna pajżana nqatlu. Ħafna mexxejja tal-ħaddiema sfaw arrestati u erbgħa ngħataw il-forka.
John F Marks
F’Malta strumentali biex tkun iċċelebrata għall-ew- wel darba l-festa ta’ Jum il-Ħaddiema kien John F Marks, ħaddiem tat-tarzna u intellettwali mill-Isla. Bil-kuntatti li Marks kellu ngħata l-ispazju fil-gazzetta tal-Partit tal-Ħaddiema biex iħeġġeġ lill-ħaddiema Maltin jiċċelebraw Jum il-Ħaddiem.
Fil-15 April 1926, Marks kien kiteb kif f’pajjiżi oħra l-kommemorazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem kienet issir b’di- mostrazzjonijiet matul it-tri- qat tal-ibliet u b’diskorsi dwar il-moviment politiku tal-ħaddiema. Marks kien qal li kien jittama li l-Partit tal-Ħaddiema jibda minn dik is-sena jagħmel xi ħaġa. Fehem li f’dak il-mument ma setgħux isiru dimostrazzjoni- jiet iżda setgħu jsiru arranġa- menti biex il-kumitati distrettwali, itellgħu l-bnadar fuq il-bjut u anki jorganizzaw xi festin żgħir b’diskorsi fuq il-moviment Laburista.
Lejn tmiem April tal-1926 deher avviż iħabbar li fl-4 ta’ Mejju fil-każin tal-Partit tal-Ħaddiema fl-Isla kienet se tkun iċċelebrata għall-ewwel darba l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem. Għal din l-ewwel ċelebrazzjoni attendew ħafna nies, l-iktar mill-Isla. Dawk preżenti kellhom warda ħamra fuq il-pavru u saru messaġġi minn 15-il kelliem. Wara sar riċeviment u kien hemm daqq mill-banda.
Il-Partit Nazzjonalista ħareġ jikkundanna lil dawk li kienu ċċelebraw l-1 ta’ Mejju fl-Isla u sejħilhom bħala qarrieqa u parti mir-rivoluzzjonarji internazzjonali. Il-forzi konservattivi f’Malta u magħhom xi elementi fil-Partit tal-Ħaddiema, kienu jemmnu li minflok l-1 ta’ Mejju, il-ħaddiema kellhom jiċċel- ebraw il-15 ta’ Mejju, jum l-enċiklika Rerum Novarum, bħala Jum il-Ħaddiem.
Miżuri favur il-ħaddiema
F’Awwissu 1927 il-Partit Kostituzzjonali u l-Partit tal-Ħaddiema, il-partiti li kienu jiffurmaw il-Compact, rebħu l-elezzjoni ġenerali. Fit-tliet snin ta’ wara saru numru ta’ kisbiet importanti, partikolarment fil-qasam soċjali.
Għaddiet liġi li permezz tagħha s-sid ma setax jgħolli l-kera jew jirrifjuta li jġedded il-kirja jew jimponi kundizzjonijiet ġodda mingħajr permess. Bdiet skema ta’ home ownership fejn il-ħaddiema setgħu jsiru sidien ta’ djarhom billi kienu jħallsu bin-nifs fuq medda ta’ għoxrin sena.
Fl-istess ħin ħafna ħaddiema ngħataw żidiet fil-pagi tagħhom, inbnew toroq ġod- da, beda jinxtered id-dawl elettriku f’ħafna bliet u rħula u kien hemm estensjonijiet tas-servizz tad-drenaġġ. Waħda mill-iktar liġijiet ta’ fejda li għadda l-gvern tal-Compact kienet dik tal-Workmen’s Compensation Act li permezz tagħha għall-ewwel darba ħaddiema li kienu jkorru fuq il-post tax-xogħol bdew jingħataw somma flus biex huma u l-familji tagħhom setgħu jkomplu jgħixu b’mod dinjituż.
Il-Partit tal-Ħaddiema kien protagonista f’din il-ħidma kollha.
Fl-1929 il-festa tal-1 ta’ Mejju ħadet sura differenti meta l-Partit tal-Ħaddiema ddikjaraha bħala l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem. U ċ-ċelebrazzjonijiet saru fi tliet kumitati distrettwali – fl-Isla, fil-Birgu u fiż-Żejtun.
Snin diffiċli
Is-snin tletin iżda kienu snin mill-iktar diffiċli għall-Partit tal-Ħaddiema. Bata konsegwenzi koroh ħaf- na riżultat tal-ewwel ġlieda politiko-reliġjuża li kien hemm bejn il-gvern tal-Compact u l-Knisja. Kien kważi sfaxxa għalkollox tant li minn seba’ deputati eletti fl-1921, sal-1932 spiċċa bil-Mexxej tiegħu biss – Pawlu Boffa – fil-parlament. F’dan iż-żmien daqshekk diffiċli, il-Partit tal-Ħaddiema baqa’ jfakkar Jum il-Ħaddiem. Dawk li kienu jappoġġjaw lill-Partit tal-Ħaddiema kienu jissejħu bħala għajb għal Malta Kattolika.
Quddiem dawn l-iżvi- luppi daqshekk serji, il-Partit tal-Ħaddiema sab lilu nnifsu jissielet biex jibqa’ jeżisti. F’nofs l-1933 Pawlu Boffa nieda proċess biex il-Partit tal-Ħaddiema jieħu triq iktar moderata. L-isem inbidel għall-Partit tax-Xogħol. Inbidlet l-arma li sa dak iż-żmien kienet turi raġel bil-mazza fuq l-arma ta’ Malta bil-kuluri abjad u aħmar u bil-kliem Partit tal-Ħaddiema. L-arma l-ġdida kellu jkun fiha l-arma ta’ Malta bil-kuluri abjad u aħmar fuq sfond ikħal. Fuq l-arma ta’ Malta kellu jkun hemm flam- beau. Imbagħad fuq barra kellu jkun hemm ċirku isfar simbolu tal-fatt li l-Maltin u l-Għawdxin kienu Kattoliċi Appostoliċi Rumani.
Għal żmien twil ħadd iktar fil-Partit Laburista ma baqa’ jitkellem dwar Jum il-Ħaddiem
Il-ġrajja mimlija diffi- kultajiet, biżgħat u sfidi illi l-Partit Laburista ħabbat wiċċu magħhom fis-snin bikrija tiegħu sabiex ikun jista’ jiċċelebra Jum il-Ħaddiem, hija riflessjoni ta’ kemm kellu dejjem jaqdef kontra l-kurrent biex iwettaq dak li kien jemmen fih. Qatt iżda ma qata’ qalbu u qatt ma ċeda. Għall-kuntrarju kull Gvern Laburista, mhux biss ħadem biex li pajjiżna jkollu rajh f’idejh iżda fl-istess ħin imnebbaħ mill-valuri ta’ Jum il-Ħaddiem, ħoloq il-ġid li tqassam b’ġustizzja soċjali.


