Sunday, May 3, 2026

L-APATIJA FOST IL-VOTANTI IDDGĦAJJEF IL-PROĊESS DEMOKRATIKU …

Aqra wkoll

Ninsabu għal darba oħra f’kampanja elettorali. Elezzjoni li qiegħda ssir fi żmien fejn id-dinja għaddejja minn kunflitti kbar. Għandek il-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja, li miegħu ġibed lill-Unjoni Ewropea u poġġieha f’sitwazzjoni xejn sabiħa mar-Russja. Battibekki bejn esponenti Ewropej u r-Russja qegħdin narawhom kontinwament.

Ma’ dawn għandek is-sitwazzjoni intensa fil-Lvant Nofsani u fil-Golf Għarbi. Ma’ dawn kunflitti oħra bħal dak tas-Sudan. Kunflitti li qegħdin iseħħu fi żminijiet fejn fid-dinja jinħass  in-nuqqas ta’ mexxejja ta’ stoffa. Li kapaċi jsolvu dawn il-kunflitt bid-diplomazija.

Li kapaċi jieħdu deċiżjonijiet biex flok gwerer ikollna l-paċi. Rajna fl-aħħar jiem kif deċiżjoni mill-Istati Uniti u Iżrael bl-attakk fuq l-Iran ġabet kriżi dinjija fejn jirrigwarda il-prezz u l-provvista taż-żejt.

Dan hu l-isfond tas-sitwazzjoni bħalissa. L-Unjoni Ewropea li aħna parti minnha, f’dawn il-kunflitt, tista’ tgħid li hi assenti. Is-suppost influwenza li għandha l-Unjoni Ewropea ma tinħass imkien. L-Unjoni Ewropea tinħass li hi dgħajfa ħafna fil-qasam internazzjonali. 

M’għandhiex is-saħħa li tista’ tinfluwenza.  Jekk nieħdu l-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja naraw li l-uniku soluzzjoni ta’ l-istess Ewropa kien li tagħti l-armi lill-Ukrajna biex tkompli ttawwal dan il-kunflitt. 

Din hi s-sitwazzjoni perikoluża li għandna madwarna. Sitwazzjoni li ma nafux dawn il-kunflitti meta se jintemmu u fejn se jwasslu. It-theddid bejn naħa u oħra huma kontinwi. Ma nafux lanqas kif se nintlaqtu jekk ikomplu jinfirxu.

Fi żminijiet bħal dawn dak li jkollhom bżonn u dak li jistennew iċ-ċittadini hi l-istabbilità. Jippruvaw jaraw li s-sitwazzjoni tagħhom tibqa’ stabbli kemm jista’ jkun.  Jew jekk ma tibqax stabbli, jaraw li b’xi mod jiġu mwieżna u mgħejjuna.

Nemmnu li issa li ninsabu f’kampanja elettorali dan hu dak li għandu bżonn il-poplu għaż-żmien li ġej. Stabbilità. Sa issa pajjiżna rnexxielu jilqa’ għal effetti tal-kunflitti.  Żgur li l-poplu fl-għażla tiegħu se jkun qiegħed iżomm dan f’moħħu. Dak li jara li f’pajjiżna tibqa’ tirrenja l-istabbilità.

L-elezzjonijiet huma proċess demokratiku. Elezzjoni f’demokrazija hija l-proċess li permezz tiegħu ċ-ċittadini jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom u jiddeċiedu min se jkollu l-poter politiku. Elezzjoni ħielsa hu l-mod  kif id-demokrazija tibdel l-idea tas-sovranità popolari f’azzjoni: minflok ma l-ħakkiema jinħatru jew jirtu l-poter, jintgħażlu mill-poplu permezz tal-votazzjoni.

Għalhekk hu inkwetanti l-fenomenu li qegħdin naraw llum, jiġifieri dak li għandna ammont ta’ votanti – li hu sostanzjali, u li dawn qegħdin juru disinteress. Qegħdin jgħidu li mhux interessati jmorru jivvutaw.  Dan hu żball.  Li l-poplu jivvota u jagħżel ir-rappreżentanti tiegħu hu dritt li ma kienx minn dejjem.  Hu dritt li inġab wara ġlidiet sħaħ.  L-apatija u l-assentejiżmu mhux soluzzjoni.

Il-poplu llum għandu ukoll sfida oħra quddiemu. Din hi dik tal-miżinformazzoni. Illum il-votanti huma ibbumbarjdati b’miżinformazzjoni ma taqta xejn b’mod partikolari fuq il-midja soċjali. Hemm il-manipulazzjoni, fake news, filmati manipulati. Kollha rajnihom f’elezzjonijiet barranin.

Nemmnu li l-parteċipazzjoni baxxa u apatija huma sintomi ta’ sistema li n-nies iħossuha maqtugħin minnha.  U allura tajjeb bħala pajjiż li naraw għaliex għandna votanti li ma jridux jipparteċipaw f’dan il-proċess demokratiku, ma jridux jipparteċipaw fl-għażla ta’ min se jirrappreżentahom. 

L-elezzjonijiet mhumiex biss dwar min jirbaħ. Huma dwar jekk iċ-ċittadini jemmnux li l-proċess huwiex ġust, jekk il-vuċijiet tagħhom huma importanti, u jekk il-futur għadux xi ħaġa li jistgħu jinfluwenzaw. Jekk dak it-twemmin jisparixxi, id-demokrazija nnifisha tibda tiddgħajjef. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport