Thursday, December 26, 2024

Takehiro Tomiyasu jingħaqad ma’ Arsenal

Aqra wkoll

Takehiro Tomiyasu temm it-trasferiment tiegħu ma’ Arsenal għal € 20m flimkien ma’ €3m f’bonuses, hekk kif Bologna effettivament ittripplaw l-investiment tagħhom.

L-internazzjonali Ġappuniż ta’ 22 sena kellu t-testijiet mediċi tiegħu lbieraħ fl-Italja u ffirma l-kuntratt ta’ erba’ snin mal-Gunners.

Huwa se jivvjaġġa Londra biss wara li jkun mar il-Ġappun fuq impenji internazzjonali, minħabba restrizzjonijiet tal-COVID u ordnijiet ta’ kwarantina.

Tomiyasu qatt ma ħeba x-xewqa tiegħu li xi darba jilgħab fil-Premier League u kien ilu f’negozjati s-sajf kollu ma’ Tottenham Hotspur, iżda qatt ma ntlaħaq ftehim.

Segwit ukoll minn Atalanta, issa ngħaqad ma’ Arsenal għal €20m flimkien ma’ €3m f’bonuses relatati mal-prestazzjoni.

Dan kien profitt enormi għal Bologna, li ħallsu €7m biex jiffirmawh mingħand il-club Belġjan VV Sint-Truiden fl-2019.

“Takehiro huwa difensur b’saħħtu b’esperjenza tajba fis-Serie A u fil-livell internazzjonali,” qal il-manager ta’ Arsenal, Mikel Arteta.

“Huwa difensur versatili bi kwalitajiet difensivi kbar, abbiltà teknika għolja u kalma fuq il-ballun.”

“Huwa se jkun membru importanti fl-iskwadra tagħna. Aħna nħarsu ‘l quddiem biex Takehiro jingħaqad magħna meta jirritorna mill-impenji internazzjonali.”

Tomiyasu jilgħab primarjament bħala difensur ċentrali, iżda kien utilizzat regolarment fuq il-lemin minn Bologna u jista’ jilgħab ukoll bħala midfielder difensiv.

Huwa għamel 64 dehra kompetittiva għal Bologna, bi tliet goals skurjati u tliet assists.

Ekonomija

Sport