Marco Giardina, Taljan ta’ 38 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat b’diversi akkużi marbutin ma’ vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu.
Giardina li tressaq il-Qorti mill-Ispettur Christian Cauchi wieġeb mhux ħati li fis-27 ta’ Ġunju li għadda kkaġuna lill-eks sieħba tiegħu biża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li kkaġuna ġrieħi ħfief fuqha u li kien fis-sakra b’mod li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.
Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti qalet li l-akkużat kien ilu minn Diċembru li għadda f’relazzjoni tal-eks tfajla li hija Pollakka, u f’Marzu li għadda mar jgħix magħha f’Tas-Sliema.
Fir-rapport tagħha lill-Pulizija t-tfajla qalet li r-relazzjoni tagħhom kienet intemmet ġurnata qabel u filgħaxija l-akkużat kien ħareġ Paceville. Qalet li l-akkużat ċemplilha fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu u talabha tmur għalih għax kien fis-sakra.
Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti qalet li t-tfajla kienet irrapportat li hija kienet marret għalih u ħaditu d-dar fejn anke poġġietu fuq is-sodda. Kien hawn li l-akkużat allegatament qabadha minn għonqha u pprova jifgaha, ġebbdilha xagħarha tant li anki qaċċtilha ftit minnu u mbottaha mal-ħajt.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan minħabba l-biża’ ta’ ntralċ tal-provi għaliex għad trid tixhed l-allegata vittma u xhieda oħra li jgħixu fl-istess blokka u minħabba l-biża’ li jaħrab mill-pajjiż.
Il-Maġistrat Noel Bartolo wara li sema’ ż-żewġ naħat, ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u anke ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur it-tfajla.