Sunday, December 22, 2024

Tama li jinħelsu ostaġġi li nħatfu mill-Ħamas

Aqra wkoll

Fost l-agħar ġrajja li mmarkat il-gwerra ta’ bħalissa fil-Lvant Nofsani hemm il-ħtif ta’ għexieren ta’ persuni, inkluiż nisa, tfal u trabi, anki persuni ta’ nazzjonalita diversa li nħatfu f’Iżrael u nżammu ostaġġi mill-Ħamas. Huwa stmat li l-Ħamas ħatfu madwar 240 persuna ostaġġ waqt ir-rejd li wettqu fis-7 ta’ Ottubru u qatlu wkoll mal-1,200 Iżraeljan. Jidher iżda li resqin lejn ftehim li se jwassal biex jinħelsu numru minn dawn l-ostaġġi.

Michael Herzog, l-ambaxxatur Iżraeljan għall-Istati Uniti ġie kkwotat li qal li jittama li jintlaħaq ftehim għall-ħelsien ta’ numru sinifikanti ta’ ostaġġi fil-jiem li ġejjin. Mingħajr ma ta wisq dettalji qal li qed isiru sforzi serji u ċ-ċansijiet ta’ ftehim bħal dan huma akbar.

Il-Qatar, li ilu jimmedja, jgħid ukoll li ftehim jista’ jintlaħaq. Il-gazzetta Washington Post ukoll irrapporta li l-Iżrael u l-Ħamas huma qrib ftehim dwar il-ħelsien ta’  għexieren ta’ nisa u tfal miżmuma ostaġġi f’Gaża bi skambju għal waqfien ta’ ħamest ijiem fil-ġlied. 

Il-Prim Ministru tal-Qatar Mohammed Bin Abdulrahman al-Thani qal nhar il-Ħadd li għad fadal biss ostakli prattiċi u loġistiċi minuri ħafna x’jingħelbu u żied li ż-żewġ naħat fil-gwerra huma qrib biżżejjed biex jilħqu ftehim.

L-Istati Uniti ma kkonfermat l-ebda dettalji tal-progress. Il-kelliema għall-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-White House, Adrienne Watson, iżda  fuq il-midja soċjali stqarret li s’issa għad ma ntlaħaqx ftehim, iżda se titkompla l-ħidma biex  għal ftehim.

Madankollu, is-sitwazzjoni tidher li hi mħawda u kumplikata billi l-prim ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu eskluda waqfien mill-ġlied sħiħ.

Il-Qatar kien qed ikollu rwol ewlieni fl-isforzi ta’ medjazzjoni biex jiżgura l-ħelsien tal-ostaġġi li qed jinżammu mill-Ħamas f’Gaża.

Kien involut fin-negozjati li wasslu biex inħelsu erba’ persuni  – omm u bint, li huma ċittadini tal-Istati Uniti, u żewġ nisa Iżraeljani anzjani.

L-istat tal-Golf Għarbi, żgħir iżda rikk fil-gass, huwa mnejn titmexxija l-politika tal-Ħamas, li ilha b’uffiċċju fil-kapitali, Doha, mill-2012, immexxi mill-mexxej tal-Ħamas Ismail Haniyeh.

Nhar is-Sibt, dimostranti li mxew minn Tel Aviv għal Ġrusalemm talbu lill-gvern Iżraeljan biex jagħti prijorità lill-iżgurar tal-ħelsien tal-ostaġġi. Aktar qabel għamlu dimostrazzjoni barra r-residenza ta’ Netanyahu.

Il-prim ministru Iżraelit Netanyahu ġie kkritikat talli ma għamel xejn aktar biex jinħelsu dawk miżmuma mill-Ħamas.

F’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħaxija, Netanyahu qal li l-ewwel għan tal-gwerra kien li jeqred il-Ħamas, it-tieni kien li jirritorna l-ostaġġi u t-tielet kien li jelimina t-theddid minn Gaża.

L-agenzija tal-aħbarijiet AFP li kkwotat uħud mid-dimostranti rrappurtat li biex huma inkwetati bis-sitwazzjoni mhux normali li tfal jinħatfu u jinżammu ostaġġi diġa għal 43 jum u ħadd ma jaf x’qed jagħmel il-gvern dwar dan. 

Din il-ġimgħa l-militar ta’ Iżrael qal li sab il-katavri ta’ żewġ ostaġġi – Yehudit Weiss ta’ 65 sena u s-suldat Noa Marciano ta’ 19-il sena – fil-Medda ta’ Gaża.

L-Iżrael nieda operazzjoni ta’ ritaljazzjoni massiva b’attakki mill-ajru u tal-artillerija kif ukoll truppi tal-art bil-għan li jelimina l-Ħamas.

Il-ministeru tas-saħħa mmexxi mill-Ħamas jgħid li n-numru ta’ mwiet f’Gaża minn dakinhar laħaq it-12,300. Aktar minn 2,000 oħra maħsuba li huma midfuna taħt it-terrapien.

Ekonomija

Sport