Wednesday, April 24, 2024

Nefqa rekord mit-turisti fl-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għalkemm iċ-ċifri għadhom mhux uffiċjali jidher li fl-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena, in-nefqa mit-turisti li ġew Malta se tkun akbar minn dik li kienet reġistrat f’sena sħiħa fl-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija. Dan jixhed illi Malta mhux biss qiegħda tattira aktar turisti imma wkoll li l-ekonomija Maltija qiegħda żżid id-dħul minn dan is-settur.

Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget 2024 għall-Ministeru tat-Turiżmu. Huwa beda biex qal li r-riżultati qegħdin juru li t-turiżmu sejjer tajjeb u qed jirreġistra livelli rekord xahar wara l-ieħor. 

Il-Ministru Bartolo spjega li jekk wieħed iqabbel l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena mal-ewwel disa’ xhur tal-2019, isib li diġà ġew f’pajjiżna mal-150,000 turist iżjed fl-istess perjodu taż-żmien. Dan filwaqt li żdiedu wkoll l-iljieli mqattgħin f’pajjiżna mentri n-nefqa tat-turisti sa Settembru ta’ din is-sena kienet tlaħħaq iż-€2.1 biljun. Dan ifisser nefqa ta’ €300 miljun aktar fl-ekonomija ta’ pajjiżna meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019. 

Huwa kompla jgħid li l-viżjoni aħħarija ta’ dan il-Gvern hi li sal-2030, jinbena mudell turistiku li jkun ibbażat fuq il-kwalità, l-awtentiċità u s-sostenibilità. Dawn, qal il-Ministru Bartolo, huma l-prinċipji li jridu jwassluna għal turiżmu li jkun mifrux matul is-sena kollha. 

Kien hawn fejn enfasizza li pajjiżna m’għadux sempliċiment “a bucket and spade destination”, illi jattira t-turisti fix-xhur tas-sajf imbagħad matul ix-xitwa l-lukandi jagħlqu u r-ristoranti jwaqqfu l-ħaddiema għaliex ma jkollhomx biżżejjed klijentela biex isostnu l-operat tagħhom.

“Irridu turiżmu mifrux matul is-sena kollha li jnaqqas l-impatt ambjentali. Dan huwa parti mill-pjan tagħna fejn tidħol it-tibdil fil-klima. Turiżmu li minnu tgawdi kull lokalità f’Malta u Għawdex. Għalhekk huwa importanti li nkomplu ninvestu u naġġornaw il-prodott turistiku tursitiku fiż-żoni turistiċi tradizzjonalment magħrufa hekk iżda wasal iż-żmien li ħafna lokalitajiet u rħula jingħaqdu fil-lista tal-għażla li jagħmlu t-turisti meta dawn iżuru lil pajjiżna,” tenna l-Ministru Bartolo.

Huwa żied jistqarr li t-turiżmu jrid ikun ibbażat ukoll fuq diversi niċeċ fosthom tal-isport, tad-divertiment, tal-għadis u anke dak reliġjuż. Dan flimkien ma’ niċeċ oħrajn li se jkunu qed jitniedu fix-xhur li ġejjin biex tassew tiġi megħluba l-isfida tal-istaġjonalità.

Sadanittant, il-Ministru għat-Turiżmu nnota wkoll ix-xogħol importanti li qiegħda tagħmel l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) biex tkompli tkattar il-konnettività minn u lejn pajjiżna. 

“Fis-sajf tas-2019 kellna ftit aktar minn 6 miljun seat disponibbli minn u lejn Malta li minnhom kelna 84.6% bħala seat load factor. Is-sajf ta’ din is-sena kellna 6.3 miljun seat two way disponibbli,” tenna l-Ministru Bartolo. “Għal din ix-xitwa qed naraw li jkollna ‘l fuq minn 3 miljun seat disponibbli.” 

Huwa qal ukoll li “se nkomplu naħdmu id f’id mal-linja tal-ajru nazzjonali ġdida biex nibqgħu nassiguraw is-seat load factors rekord li qegħdin nirreġistraw. Lil hinn mill-kampanji tal-biża’, Malta se jibqa’ jkollha linja nazzjonali tal-ajru li tkun kontributur b’saħħtu għar-rendiment turistiku ta’ pajjiżna.”

Sport