Tarxien R…………….3
Hibernians…………..2
Tarxien Rainbows rebħu d-Derby tan-Nofsinhar meta għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 3-2 biex b’hekk komplew ikabbru l-problemi tal-Pawlisti u żiedu s-serje negattiva ta’ logħob mingħajr rebħ fil-Kampjonat għalihom għal disgħa.
L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet wara ħames minuti mir-Rainbows meta Petar Panic irċieva bir-ras corner li ġie min-naħa leminija, bil-Kroat jara t-tentattiv tiegħu jintemm għoli.
Hibernians irridspondew ftit wara meta Malison Duarte minn taħt il-lasta resaq qrib li jsib ix-xibka wara li rċieva cross mid-distanza. Il-Pawlisti komplew jinsistu u ftit wara kien Pedro Henrique li venven xutt b’ saħħtu li ntemm għoli.
Tarxien Rainbows fetħu l-iskor wara disa’ minuti meta cross mix-xellug ta’ Claudio Henrique Da Silva Barbosa ġie interċettat tajjeb minn MARKO MUSULIN li bir-ras tefa’ l-ballun fix-xibka.
Fil-11-il minuta, Miullen Carvalho deher li twaqqa’ fil-kaxxa mid-difensuri Tarxiniżi iżda r-referee Daniel Portelli ħalla l-logħob għaddej.
Tliet minuti wara, Miullen kien mill-ġdid involut f’ azzjoni offensiva oħra għat-tim minn Raħal Ġdid iżda x-xutt tal-Brażiljan intemm ftit barra.
Hibernians ġabu l-iskor indaqs fit-18-il minuta meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Malison Duarte, NATHA MIULLEN CARVALHO irnexxielu jitfa’ fix-xibka proprju minn taħt il-lasta.
Erba’ minuti wara l-Pawlisti marru fil-vantaġġ mill-ġdid meta minn azzjoni ta’ corner, din id-darba kien CHARLESTON li b’ xutt b’ saħħtu għeleb lill-goalkeeper tar-Rainbows, Miguel Spiteri.
Ir-Rainbows ippruvaw jirrispondu immedjatament permezz ta’ Claudio Henrique li wara ħarba ta’ madwar 20 metru ra l-isforz tiegħu jaħbat max-xibka minn barra.
Fit-33 minuta, kienu Hibernians mill-ġdid perikolużi permezz ta’ Miullen, biss Spiteri ħareġ tajjeb fuq il-Brażiljan biex interċetta kull periklu.
Fil-45 minuta, il-kowċ ta’ Tarxien Rainbows Jacques Scerri talab l-intervent tal-Football Video Support wara li Lokosa allegatament inġibed fil-kaxxa minn Kurt Shaw. Wara li saru r-reviżjonijiet meħtieġa, l-uffiċjal Daniel Portelli laqa’ t-talba Tarxiniża u ta l-penalty lir-Rainbows.. Mill-11-il metru nkariga ruħu CLAUDIO HENRIQUE DA SILVA BARBOSA li għeleb lill-goalkeeper Rumen ta’ Hibernians, Laurentiu Branescu b’xutt fil-baxx għar-rokna tax-xibka.
It-tieni taqsima bdiet b’ talba tal-intervent min-naħa tal-Football Video Support min-naħa tal-kowċ ta’ Hibernians Andrei Agius wara li wieħed mid-difensuri Tarxiniżi allegatament miss il-ballun b’ idejh fil-kaxxa. Id-deċiżjoni ta’ Daniel Portelli wara li rreveda l-episodju allegat kienet li ma jagħtix il-penalty lil Hibernians.
Fit-53 minuta, r-Rainbows dehru għall-ewwel darba f’ din it-taqsima bi Claudio Henrique Barbosa li pprova xutt b’ saħħtu mid-distanza li iżda ntemm barra.
Ġames minuti wara, kienu mill-ġdid Tarxien Rainbows li talbu għal intervent ieħor tal-Football Video Support wara daħla kerha ta’ Pedro Henrique fuq Petar Panic li ġiet sanzjonata b’ karta safra minn Portelli. Wara li rreveda l-inċident fuq is-sistema, ir-referee Portelli kkonferma d-deċiżjoni li ħa oriġinarjament.
Il-freekick suċċessiv mogħti lil Tarxien Rainbows ra lil Lokosa jirċievi l-cross u jipprova jiskurja minn taħt il-lasta biss il-goalkeeper ta’ Hibernians Branescu ħareġ tajjeb u ċaħħad l-opportunita’ lin-Niġerjan.
Mas-siegħa logħob, ir-Rainbows reġgħu marru fil-vantaġġ meta ANGEL VALVERDE approfitta minn indeċiżjoni ta’ Branescu biex skorja t-tielet goal għat-tim tiegħu. Il-gowl ġie kkonvalidat wara li r-referee Portelli ġie msejjaħ biex jivverifikah bil-Football Video Support
Hibernians irrispondew fis-67 minuta permezz tal-captain Bjorn Kristensen li venven xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li l-ewwel laqat il-mimduda imma mbagħad Spiteri ddevja f’ korner.
Fit-72 minuta l-Pawlisti mill-ġdid ippruvaw permezz ta’ Bjorn Kristensen mid-distanza imma mill-ġdid Spiteri ddevja f’ korner.
Żewġ minuti wara, Lokosa pprova xutt mid-distanza għal Tarxien Rainbows biss it-tentattiv tiegħu ntemm barra.
Hibernians reġgħu ttantaw xortihom fis-77 minuta meta minn azzjoni ta’ corner kien Miullen li laqat il-lasta bil-ballun eventwalment jintemm barra. Fil-85 minuta kien mill-ġdid Bjorn Kristensen li ttanta xortih minn barra l-kaxxa biss din id-darba Spiteri, laqa’ l-ballun mingħajr ebda xkiel.
Fit-92 minuta, Hibernians kellhom free-kick mid-distanza li Lucas Caruana għadda tajjeb lejn Sunday Akinbule biss in-Niġerjan ra l-isforz tiegħu jiġi devjat f’corner. Ftit wara kien l-istess Akinbule li pprova mid-distanza biss ix-xutt tiegħu ntemm barra.
Tarxien R.: Miguel Spiteri, Angel Jesus Valverde (Patrick Schmidt 78), Anthony Lokosa, Claudio da Silva Barbosa (Wesley Da Silva, Luke Anthony Borg, Nhayssonn, Alejandro Mosquera, Kwasi Donsu (Noah Bird 80), Marko Musulin (Manyluak Aguek 91), Petar Panic, Andreas Vella Kowċ: Jacques Scerri
Hibernians: Laurentiu Branescu, Alfred Silas (Dexter Xuereb 70), Kurt Shaw, Kevin Halabaku, Natha Miullen (Sunday Akinbule 80), Bjorn Kristensen, Mailson Lima Duarte Lopes (Cleiton De Jesus Mendonca 65), Charleston Silva Dos Santos, Matthew Debattista (Lucas Caruana 65), Denys Norenkov, Pedro Henrique Nunes Silva Kowċ: Andrei Agius
Referee: Daniel Portelli
Ass. Referees: Duncan Spencer, Max-Lee Muscat
Raba’ Uffiċjal: Vladimir Rizoski
Skorers: M. Musulin 10 (T), N. Miullen 19, Charleston Silva Dos Santos 22 (H)
Ammoniti: M. Musulin, A. Vella, A. Mosquera (T), K. Shaw, P. H. Nunes Silva, S. Akinbule (H)
Player tal-Logħba: Claudio da Silva Barbosa (T)

