Wednesday, April 24, 2024

Tas-Sliema l-aktar densa, San Pawl il-Baħar l-aktar popolata

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta kienet u għadha l-aktar pajjiż popolat fl-UE. Filwaqt li l-medja fl-UE hi ta’ 109 persuni għal kull kilometru kwadru, il-medja f’Malta hi ta’ 1,649 persuna għal kull kilometru kwadru. 

Meta wieħed iħares lejn il-popolazzjoni skont id-distretti, isib li kienet reġistrata żieda f’kull distrett, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Ġiet innutata żieda sostanzjali f’dawk il-lokalitajiet li jinsabu fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, bi kważi terz tal-popolazzjoni toqgħod fit-Tramuntana tal-pajjiż. F’dan ir-reġjun, il-popolazzjoni kibret b’sitt darbiet meta mqabbla mal-1921 u kważi rduppjat mill-aħħar ċensiment tal-2011.

Birkirkara m’għadhiex l-akbar lokalità f’termini ta’ popolazzjoni u ġiet sostitwita minn San Pawl il-Baħar b’30,402 resident. Wara Birkirkara (25,807 residenti), li issa tinsab fit-tieni post, hemm il-Mosta (23,482 resident).

Iċ-ċensiment sab li kien hemm tmien lokalitajiet li fihom il-popolazzjoni naqset. Dawn huma l-Imdina, l-Isla, Santa Luċija, Bormla, il-Belt Valletta, il-Birgu, il-Floriana u l-Imtarfa. Min-naħa l-oħra, San Pawl il-Baħar irreġistrat l-akbar tkabbir fil-popolazzjoni segwit miż-Żebbuġ, Għawdex, l-Imsida, il-Munxar u Wied il-Għajn. 

Mir-rapport ħareġ ukoll li Malta hija 3.4 darbiet aktar densa minn Għawdex. L-Għasri hi l-unika lokalità f’pajjiżna fejn id-densità tal-popolazzjoni hi konformi mal-medja tal-UE. Tas-Sliema hi l-aktar lokalità densa bi 15,167 persuna għal kull kilometru kwadru.

L-età medja tal-popolazzjoni żdiedet bi ftit meta kkumparat maċ-ċensiment tal-2011, biex issa tlaħħaq il-41.7 snin. 

Sport