Monday, November 9, 2026
Home Internazzjonali Tbassir li l-2026 se tkun l-aktar sena sħuna li qatt ġiet irreġistrata

Tbassir li l-2026 se tkun l-aktar sena sħuna li qatt ġiet irreġistrata

0
50

L-2026 se tkun l-aktar sena sħuna li qatt ġiet rreġistrata hekk kif id-dinja qed tintlaqat mit-tisħin kontinwu minħabba t-tibdil fil-klima u l-fenomenu El Niño, qed ibassru x-xjentisti. Din it-twissija waslet hekk kif il-mexxejja u n-negozjaturi dinjija mill-bieraħ bdew jinġabru fit-Turkija għall-ftuħ tas-summit tan-NU dwar il-klima tal-COP31.

Berkeley Earth, il-grupp ta’ riċerka indipendenti tal-Istati Uniti li għamel dan it-tbassir, qal li anke jekk fadal xahrejn biss għal tmiem is-sena, huwa 95% kunfidenti li l-2026 se jaqbeż ir-rekord preċedenti tal-2024.

L-impatt tas-sħana li qed tiżdied inħass b’mod akut f’dawn l-aħħar xhur mill-pajjiżi li attendew il-COP, b’nirien estensivi madwar l-Ewropa u l-kollass f’daqqa tal-glaċieri fin-Nepal li qatel aktar minn 1,000 persuna.

Kellna sensiela ta’ snin li fihom ġew irreġistrati temperaturi rekord ta’ sħana, qal Dr Robert Rohde, minn Berkeley Earth. Dan huwa dak li nistennew hekk kif it-tisħin globali qed jikompla, glaċieri jiġġarrfu, mewġiet ta’ sħana bla preċedent u nixfiet.

Nhar il-Ġmgħa, is-servizz klimatiku tal-Unjoni Ewropea, Copernicus, ikkonferma li Ottubru kien l-aktar xahar sħun li qatt ġie rreġistrat minn kemm ilha li bdiet tinżamm l-istatistika. Dr Rohde wissa li dan kien biss il-bidu u hemm il-possibbiltà ta’ bidliet ferm akbar u ferm aktar drammatiċi fil-futur.

Il-kawża ewlenija taż-żieda fit-temperaturi globali hija l-konċentrazzjoni dejjem tikber tad-dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera, ikkawżata fil-biċċa l-kbira mill-ħruq ta’ fjuwils fossili. L-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) tan-Nazzjonijiet Uniti ppubblikat ir-rapport tagħha stess nhar it-Tnejn u għalkemm kienet aktar kawta minn Berkeley, hija bassret li l-2026 se tkun fost l-erba’ snin l-aktar sħan li qatt ġew irreġistrati.

L-istess Organizazzjoni qalet li l-2027 mhux se ġġib serħan lanqas, hekk kif il-fenomenu El Niño b’mod u b’qawwa mhux tas-soltu se jkompli fis-sena d-dieħla, u jkompli jgħolli t-temperaturi.

F’laqgħat li saru qabel, l-enfasi kienet fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet – billi tiġi indirizzata il-kawża tat-tibdil fil-klima. Iżda issa numru dejjem jikber ta’ nazzjonijiet qed jiffaċċjaw ir-realtà li jkollhom jagħmlu dan flimkien ma l-adattament għal estremitajiet ġodda tat-temp hekk kif id-dinja tkompli tisħon.

L-ebda summit tal-COP waħdu mhu soluzjoni mirakoluża. L-ebda konferenza waħda ma tista’ tnaqqas id-distakk bejn ix-xjenza u r-realtà. Il-gassijiet serra addizzjonali li qed jiżdiedu fl-atmosfera qabdu sħana żejda, u madwar 90% minnha ġiet assorbita mill-oċeani.

Hawnhekk jidħol fix-xena l-fenomenu ta’ El Niño. Dan ma jżidx sħana ġdida lill-pjaneta. Minflok, jirrilaxxa sħana mill-oċean – oċean li bħalissa huwa l-aktar sħun li qatt ġie mkejjel. U hemm aktar sħana x’jirrilaxxa El Nino. Dan il-mudell klimatiku naturali qed iwassal biex it-temperaturi globali jogħlew saħansitra aktar.

Ritratt: Sigit Prasetya/NurPhoto/Getty Images

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here