Friday, September 4, 2026
Home Sport Telfa u rebħa għal Malta waqt l-ICC tas-snooker fl-Irlanda

Telfa u rebħa għal Malta waqt l-ICC tas-snooker fl-Irlanda

0
54

It-tim Malti li qiegħed jieħu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-International Challenge Cup tas-snooker li qed isir f’Youghal, fir-Repubblika Irlandiża, tilef l-ewwel logħba tiegħu kontra ċ-champions renjanti l-Iskozja iżda filgħaxija rebaħ kontra Franza. F’din il-kompetizzjoni dak li jgħodd huma n-numru ta’ frames li pajjiż jirnexxielu jirbaħ minn 27 frame li jridu jintlagħbu f’kull logħba.

Fl-ewwel konfront id-disa’ plejers Maltin kollettivament tilfu b’punteġġ ta’ 16-11 iżda kontra Franza rebħu 18-9.

Kontra l-Iskozja, fil-kategorija tal-Irġiel, Joseph Casha u Alex Borg rebħu bl-iskor ta’ 2-1 kontra Ross Vallance u Craig MacGillivray filwaqt li Chris Peplow u John Farrugia ma rebħu l-ebda frame kontra Dean Young u Robert Carlisle.

Fil-kategorija tal-Masters l-uniku rebbieħ kien France Mintoff li rebaħ kontra Paul Shanks, 2-1. Philip Ciantar, Ivan Attard u Emanuel Mallia kollha tilfu bl-istess punteġġ ta’ 2-1 kontra Keith Chalmers, Darren Gilbertson u Roger Singh rispettivament.

Iż-żagħżugħ Xavier Rizzo fil-kategorija tal-Juniors tilef bl-iskor ta’ 2-1 kontra l-avversarju Skoċċiż f’din il-kategorija, Ayaan Iqbaal.

Tard filgħaxija r-riżultati kienu ferm aktar pożittivi minkejja li t-tim Malti tilef disa’ frames. Fil-kategorija tal-Irġiel il-plejers Maltin rebħu kollha. Chris Peplow, Alex Borg u John Farrugia ma tilfu l-ebda frame kontra Regis D’Anna, Logan Rollin u Enzo Giacomarra filwaqt li Joseph Casha rebaħ kontra David Gauthier bl-iskor ta’ 2-1.

Mill-kategorija Masters, France Mintoff, Ivan Attard u Emanuel Mallia rebħu b’punteġġ ta’ 2-1 kontra Marc Chouillier, Gilles Grzeskowiak u Daniel Poly iżda Philip Ciantar, bl-istess skor, tilef kontra Laurent Montot.

Fil-kategorija tal-Juniors, Xavier Rizzo ġarrab telfa ta’ 3-0 kontra Malo Dory-Geffroy.

Wara t-tieni jum ta’ kompetizzjoni meta kull pajjiż, ħlief Malta, lagħab tliet logħbiet, il-klassifika proviżorja tinsab hekk: l-Iskozja fil-quċċata b’52 frame; it-tieni bl-istess numru ta’ frames, l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża b’total ta’ 46 frame; ir-raba’, Malta li lagħbet logħba anqas bi 28 frame; filwaqt li Franza jinsabu fil-ħames post bi 17 frame.

Illum, fl-aħħar żewġ impenji tagħha, Malta trid tilgħab filgħodu kontra l-Irlanda ta’ Fuq u aktar tard wara nofs in-nhar kontra r-Repubblika Irlandiża. L-Iskozja, li fl-aħħar konfront tagħhom illum iridu jiltaqgħu kontra Franza, huma l-favoriti nett li jżommu t-titlu biex ikunu kisbu t-tielet suċċess fl-aħħar erba’ snin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here