Saturday, May 4, 2024

Tennis – French Open: Jgħaddu Medvedev, Dimitrov u Swiatek

Aqra wkoll

Is-seed numru tnejn, Daniil Medvedev, għadda għat-tielet round tal-French Open li qed isir f’Roland Garros, Pariġi, wara li għeleb lis-Serb, Laslo Djere.

Iċ-champion tal-US Open ta’ 26 sena kiseb rebħa ta’ rutina 6-3 6-4 6-3 fil-partita tal-ftuħ tal-Ħamis fuq il-Court Philippe Chatrier.

Issa r-Russu se jiffaċċja lis-seed 28, li huwa Serb ieħor, Miomir Kecmanovic, li rebaħ f’erba’ sets kontra Alexander Bublik tal-Kazakhstan, 4-6 7-5 6-2 6-1.

Medvedev, li f’April saritlu ope­razzjoni tal-ftuq, issa rebaħ iż-żewġ logħbiet tiegħu fi tliet sets wara li fl-ewwel round għeleb lill-Arġentin Facundo Bagnis, 6-2 6-2 6-2.

Medvedev, li qed jikkompeti taħt bandiera newtrali f’Pariġi, hu­wa wieħed mill-players li mhux se jitħallew jikkompetu f’Wimbledon din is-sena wara li players Russi u Belarussi ġew ipprojbiti wara l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.

Din id-deċiżjoni qajmet kontroversja kbira bil-maġġoranza tal- players ikunu fost dawk li ma qablux magħha.

Il-Bulgaru Grigor Dimitrov ki­seb rebħa komda biex għadda għat-tielet round wkoll meta għe­leb lin-numru tnejn tal-Kroazja, Borna Coric, 6-0 6-4 6-3, waqt li l-Britanniku Cameron Norrie war­rab l-isfida tal-Awstraljan, Jason Kubler, meta għelbu bil-punteġġ ta’ 6-3 6-4 6-3.

Il-Belġjan, David Goffin, tilef l-ewwel set kontra l-Amerikan Frances Tiafoe, iżda mbagħad ġie f’tiegħu biex ħareġ rebbieħ 3-6 7-6 (7-1) 6-2 6-4.

Anke l-Kroat, Marin Cilic, kien fl-istess sitwazzjoni meta ltaqa’ kontra l-Ungeriż Marton Fucsovics tant li għelbu 4-6 6-4 6-2 6-3.

Konfront bejn żewġ players Skandinavi ra lil Casper Ruud tan-Norveġja jelimina lil Emil Ruusuvousi tal-Finlandja, 6-3 6-4 6-2, waqt li player Skandinav ieħor, Holger Rune tad-Danimarka għe­leb lil Henri Laaskonen tal-Isvizzera, 6-2 6-3 6-3. 

It-Taljani Lorenzo Sonego u Marco Cecchinato kellhom fortuni differenti għax waqt li Sonego għeleb lil Joao Sousa tal-Portugall 7-6 (7-4) 6-3 6-4, Cecchinato safa eliminat mill-Pollakk Herbert Hurkacz, 6-1 6-4 6-2.

Il-Franċiż Hugo Gaston elimina lil Pedro Cachin tal-Arġentina meta għelbu fi tliet sets, 6-4 6-2 6-4, bħal m’għamel Mackenzie McDonald tal-Istati Uniti kontra l-Ġeorġjan, Nikoloz Basilashvili, 6-3 6-1 6-4.

NISA

Fil-kategorija femminili kien hemm l-eliminazzjoni taċ-Ċeka, Ka­rolina Pliskova li sfat megħluba mill-Franċiża, Leolia Jeanjean, bil- punteġġ faċli ta’ 6-2 6-2.

Anke r-Rumena, Simona Halep, ġiet eliminata meta ltaqgħet kontra ċ-Ċiniża, Quiwen Zheng, 2-6 6-2 6-1.

Iżda l-Pollakka, Iga Swiatek, li hija msemmija fost il-favoriti li tirbaħ it-titlu, kisbet rebħa komda meta għelbet lill-Amerikana Alison Riske, 6-0 6-2.

Amerikana oħra, Madison Keys, kompliet tavvanza meta għelbet lill-Franċiża Caroline Garcia 6-4 7-6 (7-3) waqt li l-kompatrijotta tagħha Jessica Pegula kompliet tavvanza wkoll meta għelbet lil Anhelina Kalinina tal-Ukrajna, 6-1 5-7 6-4.

Rebħa f’żewġ sets kisbitha Danka Kovinic tal-Montenegro meta għelbet lil Anna Karolina Schmiedlova tas-Slovakkja, 6-3 7-5, l-istess bħar-Russa, Daria Kasatkina, li għelbet lil Fernanda Contreras tal- Messiku, 6-0 6-3, Elena Rybakina tal-Kazakhstan lill-Amerikana Katie Volynets 6-4 6-0 u r-Russa Ayrna Sabalenka kontra l-Amerikana wkoll, Madison Brendle, 6-1 6-3.

L-Ispanjola Paula Badosa rkuprat mit-telf tat-tieni set kontra Kaja Juval tas-Slovenja meta għelbitha 7-5 3-6 6-2 bit-Taljana Camila Giorgi toħroġ minn fuq kontra Julia Pu­tintseva tal-Kazakhstan, 6-1 5-7 6-4.

Sport