Monday, December 23, 2024

Terġa’ ma ssirx l-offerta għall-irfigħ tal-vara ta’ Santa Marija fl-Imġarr

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“In-nies xorta waħda ġew jagħtu donazzjonijiet b’risq il-Parroċċa” – il-Kappillan tal-Imġarr, Dun George Schembri

YouTube video

Għal sena oħra, minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid-19, ma nżammitx it-tradizzjoni antika li jsiru l-offerti għall-irfigħ tal-vara fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija fl-Imġarr. Minkejja dan, il-komunità Mġarrija xorta waħda kkonkorriet bi ħġarha u ppreżentat xi offerti b’risq il-Parroċċa. 

Dan is-sit niżel sal-Imġarr fejn hemmhekk ħa l-kummenti tal-Kappillan tal-Parroċċa, Dun George Schembri, illi sostna li minkejja r-realtà tal-pandemija, il-festa interna saret b’mod sħiħ, bin-nies tal-lokal ħarġu jiċċelebraw il-festa b’mod differenti mis-soltu.

“Il-komunità kkoperat. Ġiet il-Knisja u ħadet sehem. Minn tfal sa anzjani. Illum minflok il-purċissjoni filgħaxija se ssir quddiesa kantata u wara ngħidu r-rużarju quddiem Ġesù Ewkaristija,” qalilna l-Kappillan tal-Imġarr.

Żied jgħid li: “tradizzjonalment fl-Imġarr issir l-offerta tal-vara. Offerti li jsiru jmorru b’risq il-Parroċċa u l-ħidma pastorali. Ninsab grat lejn l-Imġarrin li kontinwament jagħtu s-sehem tagħhom, biex b’hekk verament mhux biss niċelebraw il-festa ta’ Santa Marija imma niċċelebraw l-imħabba tal-komunità li għandna għal xulxin.”

Huwa tenna li minkejja li ma saritx din l-offerta, in-nies xorta waħda ġew jippreżentaw id-donazzjonijiet tagħhom. “Bħalissa għandna l-proġett tas-Sagristija li mistenni jibda fil-ġranet li ġejjin, proġett ambizzjuż. Hemm realtajiet oħra, il-ħidma fost it-tfal u ż-żgħażagħ li tirrikjedi ammont ta’ finanzi u anke l-ħidma fil-komunità.”

“Għalkemm ma saritx l-offerta bħas-soltu imma hemm qlub ġenerużi li jagħtu u jippreżentaw l-offerta tagħhom, anke b’mod mhux daqstant uffiċjali,” temm jgħid Dun Schembri.  

L-aħħar darba li saret l-offerta għall-irfigħ tal-vara ta’ Santa Marija fl-Imġarr, kien fl-2019, fejn il-grupp ta’ Wistin Vella kiseb dan id-dritt wara li offra s-somma rekord ta’ €17,000 b’parti kbira minnha tmur għall-karità. L-ammont miġbur fl-2019 jaqbeż l-ammont ta’ €14,000 miġbura fl-2018 u fl-2017, filwaqt li fl-2016 l-ammont miġbur kien ta’ €13,000.

Minbarra l-festa ta’ Santa Marija fl-Imġarr, illum qed jiġu ċċelebrati wkoll dawn il-festi: Santa Marija f’Ħad-Dingli, Sant’Elena f’Birkirkara, Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid, Stella Maris f’Tas-Sliema, Marija Assunta, iż-Żebbuġ Għawdex, San Leonardu f’Ħal Kirkop, San Duminku fil-Birgu u Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem.

Ekonomija

Sport