Il-fondazzjoni pontifiċja, Aid to the Church in Need (ACN), qed tistieden lit-tfal, il-familji, l-iskejjel u l-parroċċi madwar id-dinja biex jieħdu sehem f’inizjattiva bl-isem “Miljun tifel u tifla jitolbu r-Rużarju” fis-7 ta’ Ottubru, 2026. Għal 20 sena konsekuttiva, din l-inizjattiva globali se tibda b’velja f’Ruma fl-1 ta’ Ottubru u tispiċċa fis-7 ta’ Ottubru 2026, fil-Festa tal-Madonna tar-Rużarju.
Minn komunitajiet fl-Amażonja Bolivjana għall-parroċċi fis-Sudan, Możambik, Żimbabwe u Sierra Leone sal-Ewropa inkluż Malta, diġà qed isiru tħejjijiet għall-inizjattiva ta’ din is-sena.
L-inizjattiva ta’ din is-sena hi ispirata mill-messaġġ ta’ Fatima: “Fl-aħħar, il-Qalb Immakulata tiegħi se toħroġ rebbieħa.” Fl-istedina biex tieħu sehem fl-inizjattiva, il-Kardinal Kurt Koch, president tal-ACN u prefett tad-dikasteru għall-promozzjoni tal-għaqda fost l-Insara, ifakkar li l-Qalb Immakulata ta’ Marija tirrappreżenta ħajja kompletament miftuħa għall-Ispirtu s-Santu u tindika lil Marija bħala mudell ta’ fidi, imħabba u talb.
L-istedina tpoġġi wkoll dan il-proġett fl-isfond ta’ dinja mmarkata minn kunflitti u tbatijiet dejjem jikbru. Titkellem dwar ir-realtajiet li qed jesperjenzaw illum f’ħafna pajjiżi: vjolenza, gwerer, faqar u tbatijiet reali, iżda wkoll il-konsolazzjoni straordinarja li tista’ toħroġ permezz tat-talb.
Ir-risposti li diġà waslu għand l-ACN juru kif tista’ tidher din il-katina globali ta’ talb f’partijiet differenti tad-dinja.
Fis-Sudan, fejn il-gwerra tkompli tikkawża tbatija kbira lill-popolazzjoni, Fr Franck Mandozi, mir-Reġjun Pastorali ta’ Kosti, ikkonferma li tfal minn parroċċi u skejjel differenti se jieħdu sehem: “Is-Sudan u ħafna partijiet tad-dinja tassew għandhom bżonn l-interċessjoni ta’ Ommna għall-paċi fid-dinja. B’dan f’moħħna, se nħeġġu lit-tfal fil-parroċċi u l-iskejjel differenti tagħna jieħdu sehem f’din l-inizjattiva,” kiteb lil ACN.
Eluf ta’ kilometri ‘l bogħod, f’komunità indiġena T’siman fl-Amażonja Bolivjana, Suor Patricia Alejandra Botello López tgħid li r-rużarju diġà qed jingħad mat-tfal kemm bil-lingwa T’siman kif ukoll bl-Ispanjol. “Sa minn qabel it-13 ta’ Mejju, konna diġà qed nitolbuh f’żewġ lingwi minħabba s-sitwazzjoni drammatika li qed ngħixu fil-Bolivja għal dawn l-aħħar xhur. Issa se nsaħħu din it-talba biex inkunu nistgħu ningħaqdu spiritwalment magħkom,” qalet lil ACN.
F’Żimbabwe, fl-arċidjoċesi ta’ Bulawayo, Fr Charles Mafurutu qal li l-inizjattiva ma tispiċċax hemm. Fil-ġimgħat li ġejjin, jittama li jivvjaġġa lejn komunitajiet remoti mifruxa madwar il-parroċċa, xi wħud ħafna kilometri ‘l bogħod, biex jiġbor flimkien it-tfal u jitlob r-rużarju magħhom għall-paċi.
Fil-Paragwaj, Radio Pa’i Puku qed jippjana biex mhux biss ixandar ir-rużarju fuq ir-radju, kif għamel għal diversi snin, iżda wkoll li jxandar live ir-rużarju mitlub mit-tfal fil-parroċċa ta’ San Eugenio de Mazenod filwaqt li qed jistieden familji, parroċċi, skejjel u katekisti biex jingħaqdu miegħu.
Messaġġi simili waslu għand l-ACN mill-Etijopja, Możambik u Sierra Leone, fost pajjiżi oħra. Dawn għandhom realtajiet differenti ħafna, iżda jaqsmu l-istess kunvinzjoni: fi żmien meta l-bżonnijiet li qed jiffaċċjaw tant nies huma kbar. It-talb mhuwiex xi ħaġa sekondarja, imma essenzjali.
Din l-inizjattiva globali hi ispirata mill-kliem attribwit lil San Padre Pio: “Meta miljun tifel u tifla jitolbu r-rużarju, id-dinja tinbidel għall-aħjar.” Bdiet fil-Venezwela fl-2005 u minn dakinhar żviluppat f’moviment globali ta’ talb li jinvolvi familji, parroċċi, skejjel u gruppi tat-tfal fuq kull kontinent.
Il-kampanja tistieden lill-adulti mhux biss biex jinkoraġġixxu lit-tfal jitolbu, iżda wkoll biex il-ġenituri, l-għalliema u katekisti jitolbu magħhom.
L-ACN tipprovdi materjal ta’ talb (https://www.millionchildrenpraying.org/) biex tgħin lit-tfal, il-familji, l-iskejjel u l-parroċċi jieħdu sehem fil-kampanja. Il-mexxejja tal-gruppi u l-iskejjel huma mistiedna jirreġistraw biex, għal darb’oħra, il-mappa tista’ turi gradwalment tfal minn pajjiżi differenti jingħaqdu ma’ xulxin fit-talb għall-paċi.
F’Malta, l-iskejjel tal-gvern, tal-knisja u dawk indipendenti flimkien ma’ xi parroċċi kif ukoll gruppi tat-tfal diġà infurmaw lill-uffiċċju ta’ Malta tal-ACN li se jipparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena.
Aktar tagħrif dwar ACN (Malta) jinkiseb mis-sit elettroniku: www.acnmalta.org, jew billi ċċempel fuq 2148 7818.
