Sunday, November 24, 2024

Tgħammir ta’ Mixed Bully Breeds mhux se jibqa’ permissibbli

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, tħabbru numru ta’ regolamenti ġodda li se jipprojbixxu t-tgħammir ta’ klieb tar-razza Bully li mhumiex iċċertifikati bil-pedigree. Dan sabiex titnaqqas il-problema ta’ popolazzjoni ta’ dan it-tip ta’ klieb li ħafna minnhom jispiċċaw abbandunati jew maqfulin fis-santwarji tal-annimali mingħajr ma jiġu adottati.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said kif ukoll mad-Direttur tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Joseph John Vella.

Il-Ministru Anton Refalo saħaq li dak imħabbar illum se jkompli jsaħħaħ il-qasam tad-drittijiet tal-annimali f’pajjiżna, fejn mistenni jnaqqas l-abbandun ta’ klieb tal-Mixed Bully Breeds li eventwalment jispiċċaw fis-santwarji. 

Hawnhekk huwa fakkar kif jikkumplimentaw ir-regolamenti mħabbra llum hemm numru ta’ miżuri u ta’ inizjattivi oħrajn li tnedew fil-ġimgħat u fix-xhur li għaddew. “Infakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu biss ħabbarna r-regolament ferm importanti tal-pet sitter, borders u groomers. Ma nistax illum ma nsemmix ukoll il-kampanja ta’ tiswija tal-klieb li nedejna f’Mejju li għadda, fejn għal dan il-proġett pilota bbenefikaw is-sidien ta’ klieb tal-irziezet u dawk tar-razza Mixed Bully Breeds,” tenna l-Ministru Refalo.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tkellmet dwar l-istħarriġ li sar fejn irriżulta li hawn problema ta’ klieb imħallta tar-razza Bully f’pajjiżna. “Fl-Animal Welfare biss insibu aktar minn mitt kelb li huwa Mixed Bully Breed li sfortunatament spiċċaw abbandunati u maqfulin f’gaġġa għal ħajjithom. Aħna rridu li nnaqqsu dan l-abbuż sabiex verament inħarsu d-drittijiet tal-annimali, fosthom id-dritt għal-libertà u għall-imħabba ta’ familja,” qalet is-segretarju parlamentari.

“B’dawn ir-regolamenti qegħdin ukoll innaqqsu l-abbużi li jsiru fejn jidħol it-tgħammir. Se jkun permissibbli biss tgħammir ta’ klieb tar-razza Bully li jkollhom ċertifikazzjoni ta’ pedigree,” kompliet tgħid is-segretarju parlamentari. Hija temmet tgħid li dawk li għandhom klieb tar-razza Bully mingħajr pedigree u ċċippjati jistgħu jinżammu u jiġu msewwija b’xejn, fi skema li ħareġ l-istess ministeru ftit tax-xhur ilu.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Joseph John Vella qal li dawn ir-regolamenti tfasslu wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ diversi stakeholders. Fl-istess regolamenti hemm ukoll tfassil ta’ kriterji li jirregolaw il-kennel clubs għall-klieb tar-razza Bully, u li minnhom toħroġ iċ-ċertifikazzjoni tal-klieb bil-pedigree.

Ir-Regolamenti tal-2024 dwar il-Projbizzjoni tat-Tnissil u ż-Żamma ta’ Klieb ta’ Tip Bully Non-Pedigree se jidħlu fis-seħħ u jkunu nfurzati fi żmien erba’ xhur u jagħmlu parti mill-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali (Kap. 439).

Sport