Il-“JP2 Memorial Festival 2026” għax-xahar ta’ Awwissu se jospita l-kwartet prestiġjuż CORDIA f’kunċert “THE FOUR SEASONS”. L-avveniment se jsir fil-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Għajnsielem, nhar it-Tnejn 24 ta’ Awwissu 2026 u jibda fit-20.00.
B’isem derivat mil-Latin Cordia (qlub) u sfumaturi fonetiċi Maltin ta’ Korda (strumenti tal-korda), il-viżjoni ta’ Cordia Quartet hija li toħloq għall-udjenza atmosfera ta’ konkordanza fl-armonija mużikali u fi ħdan l-erba’ strumenti tal-korda differenti tal-kwartet.
L-erba’ mużiċisti li jiffurmaw il-Cordia Quartet huma:
Jacob Portelli jdoqq il-vjolin. Huwa studja fl-Iskola tal-Mużika f’Għawdex ma’ Joachim Atanassov. L-imħabba tiegħu għall-mużika ppermettietlu jdoqq iċ-ċello u l-kuntrabass imbagħad il-vjola u aktar tard l-arpa. Jacob iggradwa fit-Teoloġija, fejn kiseb BA (Theo) Hons u PGCE.
David Lang studja l-mużika fl-Ungerija fl-Iskola Speċjalizzata tal-Arti Mużikali f’Pécs, u fl-Awstrija fl-Akkademja tal-Mużika “Mozarteum” f’Salzburg fejn kiseb master’s degree fil-prestazzjoni tal-vjolin. David kien il-mexxej tal-Orkestra tal-Kamra “CIS” u l-Orkestra tal-Kamra ta’ Salzburger Mozart. Kien kunċertmaster u solista tal-Orkestra Sinfonika Liszt Ferenc f’Sopron (l-Ungerija). F’Malta kien membru tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Kien għalliem tal-vjolin fl-Iskejjel tal-Mużika f’Malta u Għawdex.
Emese Tóth studjat fl-Ungerija fl-Iskola Sekondarja Speċjalizzata tal-Arti Mużikali Kodály f’Kecskemét u fl-Akkademja tal-Mużika Ferenc Liszt f’Budapest. Kisbet master’s degree bħala vjolinista u għalliema tal-vjolin. Rebħet borża ta’ studju fl-Orkestra Sinfonika Dinjija taż-Żgħażagħ f’Interlochen (l-Istati Uniti) u l-ewwel premju fil-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Mużika tal-Kamra Weiner f’Budapest fil-kategorija tat-Trio tal-Korda. Kompliet l-istudji tagħha fl-Akkademja tal-Mużika f’Graz u fl-Akkademja tal-Mużika “Mozarteum” f’Salzburg. Emese kienet għalliema tal-vjolin u tal-mużika da camera fl-Università Széchenyi f’Gyor (l-Ungerija). Aktar tard f’Malta, kienet membru tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Kienet għalliema tal-vjolin fl-Iskola tal-Mużika Johann Strauss u fl-Iskola tal-Mużika ta’ Isfel.
Frank Camilleri studja ċ-Ċello taħt id-direzzjoni ta’ Mro Valeriu Popovici u aktar tard ma’ Simon Abdilla Joslin. Huwa assoċja ruħu bid-daqq taċ-ċello mal-London College of Music.. Frank kanta ma’ diversi orkestri, bħall-Brno Philharmonic, l-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Mediterran. U l-Orkestra Finlandiża għaċ- ċelebrazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Frank daqq wkoll bħala solista f’diversi recitali. Illum huwa membru tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Flimkien ġew mistiedna biex idoqqu f’bosta kunċerti prestiġjużi f’Malta u Għawdex. Il-Cordia daqqew wkoll barra minn Malta fi New Delhi u Calcutta għall-Jum Nazzjonali tal-Awstrija taħt l-awspiċi tal-Ambaxxatur Malti għall-Indja. F’Londra f’Marlborough House fil-preżenza tal-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta II bħala parti miċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Commonwealth. Il-Kwartet daqq wkoll matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li r-repertorju klassiku jibqa’ l-qalba tal-mużika tagħhom, huma jdoqqu wkoll ġeneri differenti bħal Waltzes, Musicals, Jazz, mużika tradizzjonali Irlandiżi, Skoċċiżi u Lhudja, soundtracks ta’ films, kanzunetti pop kontemporanji u temi reliġjużi.
Dan il-kunċert huwa wkoll parti mill-Lejliet Sajfin f’Għajnsielem organizzati mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem. Il-post huwa mgħammar b’arja kkundizzjonata. Grazzi kbira tmur lill-Ministeru għal Għawdex talli appoġġja dan l-avveniment.




