Sunday, August 23, 2026
Home Internazzjonali Theddida ċara fuq il-vijabbilità ta’ stat Palestinjan indipendenti

Theddida ċara fuq il-vijabbilità ta’ stat Palestinjan indipendenti

0
72
The large Palestinian flag (flag of Palestine) is waiving above the city.

Minkejja l-attakki fuq Gaża, liema attakki baqgħu għaddejjin anke wara s-suppost ftehim għalkemm b’inqas intensità, qegħdin dejjem naraw li qiegħda tiżdied it-theddida fix-Xatt tal-Punent.   Dan hekk kif qegħdin naraw insedjamenti ġodda minn Iżrael, li permezz tagħhom  jinbnew komunitajiet residenzjali fejn jgħixu ċittadini Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent. L-aħħar każ li qiegħed joħloq kontroversja hu dak imsejjaħ ‘East 1’. 

Din hi żona fix-Xatt tal-Punent bejn Ġerusalemm u l-insedjament Iżraeljan ta’ Ma’ale Adumim. Il-pjan huwa li jinbnew eluf ta’  units residenzjali  hemmhekk. Proprju fl-aħħar sigħat nfetaħ tender għal 1,234 units residenzjali, minn total ta’ 3,401 unit approvati għall-proġett. 

Hu ċar u nemmnu fermament li dak li qiegħed isir, l-għan prinċipali tiegħu mhux dak li jinħolqu units residenzjali. Nemmnu li dak li qiegħed iseħħ u jiġi pjanat mill-Gvern ta’ Netanyahu, għandu skop ulterjuri. Dak li jagħmilha ferm aktar diffiċli  li jkun hemm stat Palestinjan b’territorju kontinwu.  Qegħdin ngħidu dan għax hu ċar li dan il-proġett propost, jekk jiġi żviluppat se jkun qiegħed jaqsam ix-xatt tal-Punent bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. 

Nemmnu li dan il-proġett jhedded il-vijabbilità ta’ Stat Palestinjan indipendenti. Nemmnu ukoll li l-komunità internazzjonali ma tistax’ tibqa’ fommha sieket. Kien fattur pożittiv li rajna diversi pajjiżi jitkellmu apertament kontra dawn il-pjani.  Nemmnu iżda li dawn biss mhux biżżejjed. Nemmnu li anke l-Unjoni Ewropea għandha tkun ċara ħafna fuq dan. Fuq kollox qegħdin nitkellmu dwar attività illegali ta’ insedjament. 

Nemmnu li l-proġett E1 huwa illegali. Riżoluzzjoni stess tan-Nazzjonijiet Uniti tiddikjara li l-insedjamenti Iżraeljani fit-territorji Palestinjani okkupati mill-1967, inkluż fil-lvant ta’ Ġerusalemm,  m’għandhom l-ebda validità u jiksru d-dritt internazzjonali.  L-istess Nazzjonijiet Uniti fis-sena 2025  iddeskriviet speċifikament il-pjan E1 bħala pass illegali.  Apparti dan fis-sena 2024, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja  ikkonkludiet li l-preżenza kontinwa ta’ Iżrael fit-territorju Palestinjan okkupat hija illegali u kienet talbet li jieqfu l-attivitajiet ġodda ta’ insedjament. 

Għaldaqstant kien pass tajjeb li Franza, l-Italja, il-Gran Brittanja u l-Ġermanja nhar il-Ħamis żiedu l-kundanna internazzjonali għall-proġett ewlieni ta’ insedjament fix-Xatt tal-Punent okkupat, wara li l-awtoritajiet Iżraeljani fetħu l-offerti għal aktar minn 1,200 dar fiż-żona.

Dak li qiegħed isir hu inkwetanti mmens, meta l-instabbiltà gravi fix-Xatt tal-Punent laħqet livelli ta’ vjolenza bla preċedent minn insedjanti kontra ċivili, u restrizzjonijiet serji fuq l-ekonomija Palestinjana.

Nemmnu li s-soluzzjoni   ta’ żewġ stati — Iżrael u Palestina jgħixu ħdejn xulxin b’fruntieri rikonoxxuti u sigurtà għaż-żewġ popli, hi l-aħjar triq ‘l quddiem. Ma jagħmel ebda sens li din is-soluzzjoni tiġi imminata. Din is-soluzzoni, għadha l-pożizzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ħafna mill-komunità internazzjonali. Ftehim dwarha m’hemmx, iżda żgur li dak li qiegħed isir, mhux se jgħin biex tonqos it-tensjoni fir-reġjun.

Nemmnu li l-komunità internazzjonali ma tistax tibqa’ aktar gallerija. It-tbatija li għaddejjin minnha persuni ċivili fix-Xatt tal-Punent u f’Gaża huma bla preċedent. Il-komunità ma tistax tibqa’ tħares. Ma tistax tibqa’ gallarija.  Dan hu kunflitt, din hi tensjoni li fiha qegħdin imutu n-nies kuljum.

Id-domanda hi ċara ħafna. Meta se naraw dawn il-popli jgħixu flimkien, fil-paċi u fis-sigurtà.  Żgur li jista’ jsir ħafna u ħafna iżjed, anket mill-istess Unjoni Ewropea, biex bil-mod il-mod tirrenja l-paċi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here