– il-Prim Ministru Robert Abela
… iħabbar estensjonijiet fl-iskema tal-first time buyers
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li ngħatat mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Fitch Ratings, li kkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A+ bi prospetti stabbli. Huwa semma kif din l-aħbar mhix waħda iżolata imma hi oħra minn sensiela ta’ ċertifikati pożittivi li qed jingħataw minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali.
“Ċertifikati bħal dawn ma jiġux b’kumbinazzjoni. Imma b’konsegwenza ta’ ħidma ffukata. Deċiżjonijiet strateġiċi li huma ffukati. U tajjeb li wieħed jara dan kollu fil-kuntest internazzjonali li qed ngħixu bħalissa,” qal il-Prim Ministru f’intervent li għamel waqt il-programm Paperscan fuq ONE.
Dr Abela qal li Fitch Ratings qiegħda tbassar li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna se jkun madwar 4%, l-aqwa fl-Unjoni Ewropea. Qal ukoll li l-Prodott Gross Domestiku ras għal ras li hu mkejjel skont il-purchasing power issa jinsab 110% tal-medja tal-UE. “Dawn huma riżultati ekonomiċi fantastiċi,” qal il-Prim Ministru.
Tenna li s-setturi ewlenin li se jkomplu jimbuttaw ’il quddiem dan it-tkabbir ekonomiku sostenibbli huma dawk tal-informatika, tas-servizzi finanzjarji u t-turiżmu fost oħrajn. Fuq kollox, huwa qal li l-aktar deċiżjoni importanti li tikkontribwixxi għal din is-saħħa ekonomika, tibqa’ dik fil-qasam tal-enerġija, bis-sostenn li qed jingħata fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.
“Dan fl-istess waqt li qed naraw li d-defiċit se jibqa’ jinżamm taħt kontroll,” innota l-Prim Ministru. “L-ekonomija hi l-bażi ta’ kif nistgħu nibqgħu nsaħħu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u kif dik il-kwalità tal-ħajja tittrasforma ruħha f’differenzi reali u tanġibbli għall-familji tagħna.”
Dr Abela qal ukoll li hekk kif ninsabu ftit ġimgħat bogħod mill-ewwel budget għal din il-leġiżlatura, dan se jkun budget li fih se jkomplu jfissru l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali Int Malta, se jkunu mħabbra aktar miżuri biex jilħqu l-miri tal-viżjoni Malta 2050 u fil-bażi ta’ dak kollu tibqa’ l-ekonomija.
“Hi l-ekonomija li tagħtina l-għodda biex ninvestu aktar fis-saħħa taċ-ċittadini u li tippermettilna nagħmlu aktar investimenti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Ekonomija b’saħħitha tiġi biss għax għandek nies kompetenti, ta’ ħila u ta’ esperjenza fl-immaniġġjar tagħha.”
Dr Abela fakkar ukoll kif fil-jiem li għaddew beda x-xogħol fuq investiment ta’ €120 miljun fl-Isptar Mater Dei għal estensjoni kbira tad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-bini ta’ sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali f’pajjiżna. Innota fost oħrajn kif dan se jkun l-ewwel tkabbir maġġuri tas-servizzi tal-emerġenza f’Mater Dei minn meta nfetaħ dan l-isptar 19-il sena ilu.
Minbarra f’dan l-investiment maġġuri, il-Prim Ministru tkellem dwar inizjattivi oħra li qed jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies. “Il-manifest Int Malta għandu partijiet minnu li jiffukaw fuq proġetti ta’ infrastruttura kif ukoll proġetti ta’ spazji ħodor u miftuħa. Imma mbagħad hemm ħafna mill-manifest iffokat fuq inizjattivi li jindirizzaw is-sitwazzjoni individwali ta’ nies differenti.”
Kien hawn fejn irrefera għall-bidliet imħabbra fl-iskema tal-first time buyers fosthom dik li se tirdoppja l-għajnuna mogħtija għal €20,000 għal persuni b’diżabilità. Barra minn hekk, huwa semma kif kienu avviċinawh koppja li kienu f’relazzjoni u xtraw appartament flimkien, fejn kienu bbenefikaw mill-iskemi għall-first time buyers.
Qalulu wkoll li hekk kif ir-relazzjoni falliet, u huma kienu għadhom kemm irċivew biss l-ewwel pagament ta’ elf ewro. “Id-domanda li għamluli kienet: Aħna se nbigħu l-appartament u fil-fatt kien irnexxielhom jagħmlu dan. Ħadna biss €1,000 mill-€10,000. Issa se nerġgħu niġu biex separatament nixtru proprjetà tagħna. Imma mhux se nkunu ħadna d-€9,000 li fadal mill-iskema tal-first time buyers.
“Jiena deherli li dan l-ilment li ressquli kien wieħed ġustifikat. U kont tajthom kelma illi naħdmu biex nindirizzaw din is-sitwazzjoni. U ħdimna fuq soluzzjoni li tħabbret il-Ġimgħa li jekk dawn se jerġgħu jixtru t-tieni appartament wara li jkunu biegħu l-ewwel proprjetà f’din iċ-ċirkostanza, jikkwalifikaw biex jieħdu l-bqija tal-€10,000 li ma jkunux ħadu fil-każ tax-xiri tal-ewwel appartament,” qal il-Prim Ministru. “Dawn huma għajnuniet li se jkomplu jsaħħu n-nukleu tas-soċjetà tagħna – il-familja – iżda wkoll il-middle class.
Dwar il-ħidma f’dak li jirrigwardja l-infurzar, il-Prim Ministru nnota l-isforz miżjud li sar f’dawn l-aħħar xhur. “L-azzjoni konkreta biex l-ewwel nett jipprevjenu milli jitwettqu każijiet iżda fejn ikun hemm min xorta waħda jikser il-liġijiet, imbagħad tittieħed azzjoni konkreta u min jonqos irid iħallas għal għemilu.”
Il-Prim Ministru kompla billi rringrazzja lill-Kabinett tal-Ministri u anke lis-Segretarji Parlamentari li qed jaħdmu qatigħ biex jagħtu riżultati konkreti. Dan filwaqt li ta indikazzjoni ħafifa ta’ ftit mill-ħidma li se titwettaq fil-jiem li ġejjin.
“Ewlenija fosthom l-investiment ġdid li se nagħmlu bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali. Ftehim ġdid li jibni fuq dak preċedenti, l-investimetn qabel kien ta’ €10 miljun u issa dan se jitla’ għal kważi €13-il miljun. Investiment fuq medda ta’ sentejn,” ħabbar il-Prim Ministru li qal li din se tkun wegħda elettorali oħra li se titwettaq fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura. “Huwa investiment li se jkopri l-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta, li se jagħtihom aktar riżorsi biex ikunu jistgħu jindirizzaw ħtiġijiet konkreti tar-residenti tal-komunitajiet tagħhom.”
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li proġett ieħor se jkun dak tas-secure facility għal adoloxxenti taħt it-18-il sena. “Dan huwa proġett li jgħaqqad ħafna ma’ x’nemmnu aħna fih bħala moviment. Realtajiet ta’ tfal li għaddejjin minn mumenti ta’ sfidi kbar. li jeħtieġ nagħtuhom kenn. Mhux li nikkundannawhom. Imma li nifhmu r-realtajiet li jkunu għexu.”
“Identifikajna sit mill-isbaħ fil-Għargħur biex jiġi konvertit f’din il-faċilità ewlenija li se jibda x-xogħol fuqha u li se tilqa’ żgħażagħ fiha u mbagħad tagħtihom l-għajnuna ħolistika bl-esperti professjonisti kollha biex jistgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid,” qal il-Prim Ministru.
Huwa temm jgħid li: “rrid Gvern li mhux jgħodd il-ġranet ta’ minn meta ġie elett. Imma rrid Gvern li jgħodd kemm wettaq affarijiet għan-nies ma’ kull ġurnata li tgħaddi.”
